“Berbaq ġidu għal 4 żwiemel” – l-esperjenza ta’ raġel Bipolar

Raġel li jsofri mill-kundizzjoni tal-Bipolar, meta kien fl-istat imsejjaħ bħala mania, jiġifieri fi stat fejn jispiċċa jagħmel bosta affarijiet mingħajr ma jaħseb il-konsegwenzi, spiċċa berbaq ġidu biex xtara erba’ żwiemel mill-Arġentina.

Din l-esperjenza qasamha ma’ Newsbook.com.mt Albert McCarthy, lokalment magħruf bħala Santa Klaws, waqt intervistà li saritlu ftit qabel il-laqgħa ta’ kull xahar tal-għaqda Be Positive – Bipolar Self-help Malta.

Min ibati bil-Bipolar, jagħmel perjodu fejn jibda jara kollox kbir (mania), u perjodu fejn jibda jara kollox ikrah u jaqa’ f’dipressjoni.

McCarthy irrakkonta kif raġel partikolari li s-soltu dejjem kien għaqli, f’daqqa waħda ried isiefer l-Arġentina u minn hemm iġib erba’ żwiemel tat-tlielaq għax beda jemmen li bihom kien se jagħmel fortuna. Sabiex wasal għal dan, spiċċa berbaq ġidu u ħarbat in-negozju tal-familja.

Meta ġie lura Malta biż-żwiemel, irrealizza li lanqas biss kellu stalel fejn iżommhom. “Ma kienx f’siktu,” sostna McCarthy.

Ma’ Newsbook.com.mt McCarthy sostna li din hija waħda fost ħafna esperjenzi li ltaqa’ magħhom.

Spjega kif min-naħa l-oħra tal-munita, persuna bipolar tispiċċa taqa’ f’dipressjoni u tibda tinduna kemm tkun għamlet “ħmerijiet” u tibda tistħi minħabba dak li tkun għamlet.

Qal li mhux l-ewwel darba li tant kemm jistħu minn dak li jkunu għamlu li jispiċċaw jagħmlu suwiċidju. Għaldaqstant statistika li turi l-korrelazzjoni bejn is-suwiċidju u l-marda tal-Bipolar għadha ma teżistix.

Permezz tal-għaqda li beda hu flimkien ma’ martu Lina, McCarthy qed jissielet sabiex jgħin persuni li jħossuhom waħdehom biex jirrealizzaw li hemm persuni oħra li lesti li jifhmuhom.

Jekk inti tbati mill-marda tal-Bipolar, tista’ tattendi għal-laqgħa li ssir kull xahar fil-Palazz ta’ San Anton fis-6.30pm. Dawk kollha li jattendu huma mistennija jieħdu magħhom xi persuna li tgħinhom. Għal aktar informazzjoni żur is-sit jew il-paġna ta’ Facebook tal-għaqda.