Beppe Fenech Adami għandu tumur fi spalltu

Kelliem għall-Partit Nazzjonalista qal ma’ Newsbook.com.mt li minkejja li l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami reġa’ jinsab Malta, x’aktarx se jkollu joqgħod ġej u sejjer barra minn Malta għall-kura medika.
Iben l-eks President u Prim Ministru ta’ Malta Eddie Fenech Adami, għandu 45 sena u sar jaf li qed ibati minn tumur fi spalltu l-leminija wara li madwar erba’ xhur ilu ħass uġiegħ fil-muskoli.
L-istess kelliem għall-Partit Nazzjonalista kompla jgħid ma’ Newsbook.com.mt li s-sitwazzjoni li “ġiet fuqu f’daqqa għax f’temp ta’ jumejn qalulu jsiefer,” x’aktarx twassal għall-intervent mediku.
Qal ukoll li Dr Beppe Fenech Adami dejjem jirringrazzja lil dawk kollha li jagħtuh il-kuraġġ biex jibqa’ pożittiv f’dan il-mument li mhux faċli.
Mal-midja, Dr Fenech Adami qal li m’għandu l-ebda ħsieb li jwarrab mill-kariga li qed jokkupa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, iżda hi din il-passjoni li tagħtih il-kuraġġ u s-saħħa f’dan il-mument.