Beppe Fenech Adami jappella biex “tiġi rispettata r-rieda tal-poplu”

Fid-diskors tiegħu bħala Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, fid-diskussjoni fil-Parlament dwar l-emendi proposti għal-liġi tal-elezzjonijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami saħaq li r-rieda tal-poplu fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet għandha tiġi rispettata.

F’appell imqanqal, hu saħaq li l-Gvern għandu  jappoġġja t-talba tal-Oppożizzjoni għal reviżjoni fin-numru ta’ deputati eletti f’isimha fil-Parlament, b’mod partikolari biex jiġu kkoreġuti l-iżbalji li saru fl-għadd tal-voti f’Marzu li għadda u li wasslu biex ġew eletti bi żball deputat tal-Partit Laburista minflok deputat tal-Partit Nazzjonalista fit-tmien u fit-tlettax-il distrett.

Filwaqt li spjega li l-Partit Nazzjonalista fetaħ kawża kostituzzjonali dwar dan, hu qal li r-rieda tal-poplu kellha tfisser li l-Oppożizzjoni jkollha żewġ deputati oħra eletti f’isimha u għalhekk dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista qed jiġu mċaħħda minn riżultat ġust.

Beppe Fenech Adami saħaq li bidliet fil-liġi dwar l-elezzjonijiet għandhom jiffaċilitaw il-ħidma tal-Kummissjoni Elettorali imma xi emendi kif proposti qed jikkumplikaw il-ħidma tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-bidla fid-dati ta’ meta jistgħu jivvutaw pazjenti li jkunu rikoverati għal ftit ġranet fi sptarijiet.