Aġġornata: Mario de Marco jitfa’ n-nomina għall-Viċi Kap

Mario de Marco kien l-unika wieħed li tefa' n-nomina tiegħu għall-kariga ta’ Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-affarijiet tal-Parlament.

Aktar qabel:

Hekk kif illum jagħlqu n-nominazzjonijiet għall-kariga ta’ Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-affarijiet tal-Partit, kemm Beppe Fenech Adami u Claudette Buttigieg se jkunu qed jippreżentaw in-nomina tagħhom ftit qabel ma jagħlqu n-nominazzjonijiet.

Newsbook jinsab infurmat li Beppe Fenech Adami mistenni jkun l-ewwel wieħed li jippreżenta n-nomina tiegħu fid-Dar Ċentrali, għall-ħabta tal-11am. Il-kandidata l-oħra, Claudette Buttigieg, ikkonfermat li se tippreżenta n-nomina tagħha fis-1pm.

In-nominazzjonijiet jagħlqu fis-2pm.

Min ikun elett, ikun l-ewwel persuna li jkun ħaddan din il-kariga fi ħdan il-Partit Nazzjonalista hekk kif din il-kariga ġiet maħluqa ftit jiem ilu wara bdil fl-istatut tal-partit biex fit-tmexxija jkun hemm żewġ viċi-kapijiet u mhux wieħed. Dr Mario de Marco hu mistenni li jikkontesta għall-kariga l-oħra ta’ viċi-kap għall-Parlament.

Kemm Beppe Fenech Adami kif ukoll Claudette Buttigieg ikkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom għall-programm 'X'Hemm Ġdid' fuq RTK103FM, illum bejn is-6.05 u s-7pm.