Benitez u t-tim tiegħu maqbudin fi Spanja

Rafa Benitez ammetta li l-effett li qed iħalli l-coronavirus hu xi ħaġa li qatt ma ltaqa’ bħalha fil-karriera tal-futbol. Il-klabb tiegħu Dalian Professional waslu fl-aħħar tat-taħriġ tal-pre-season, qabel ma jibdew l-istaġun il-ġdid biċ-Chinese Super League.

Iżda d-data tal-ftuħ tal-istaġun diġà ġiet posposta mit-22 ta’ Frar għal April. Jidher iżda li d-data tista’ terġa tiċċaqlaq. Il-plejers u Benitez spiċċaw imwaħħla fi Spanja, fejn qed jippreparaw għall-istaġun li lanqas biss jafu meta se jkun qed jibda.

Benitez spjega kif qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa. Il-plejers qed tittiħdilhom it-temperatura darbtejn kuljum u kulħadd qed jinżamm fil-lukanda u l-grawnds. Dan mistenni jibqa’ għaddej għal ġimgħatejn sħaħ.