Benefiċċji finanzjarji ġodda għal investimenti fl-enerġija

Skema ġdida għall-intrapriżi mill-Malta Enterprise, qed toffri benefiċċji finanzjarji wara li jinvestu fi proġetti għal aktar effiċjenza fl-enerġija.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mal-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi u l-Ministru għall-Investiment Chris Cardona.
Skont stqarrija konġunta miż-żewġ Ministeri, l-għajnuna mogħtija se tkun permezz ta’ kreditu ta’ taxxa li jista’ jiġi utilizzat kontra dik it-taxxa li għandha titħallas mill-benefiċċjarji.
Il-Ministru Mizzi spjega li l-iskema se tikkumplimenta skemi oħra bħall-Micro-Invest u hi maħsuba sabiex tkun aċċessibbli għal firxa varja ta’ intrapriżi, inkluż lukandi, servizzi u fabbriki li jkunu qed jippreparaw investimenti ta’ ċertu daqs sabiex itejbu il-konsum tal-enerġija.
L-iskema tkopri:

  • Investiment fis-sostituzzjoni jew titjib ta’ tagħmir u installazzjonijiet biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija fil-proċess tal-manifattura,
  • Rinnovazzjoni jew aġġornament ta’ installazzjoni eżistenti ta’ tagħmir għas-sistemi tat-tisħin (jew tat-tkessiħ), is-settur industrijali jew tal-lukandi,
  • Titjib tal-effiċjenza tal-enerġija tas-sistemi eżistenti tad-dawl,
  • Kwalunkwe azzjoni oħra mhux msemmija li mistennija twassal għall-iffrankar ta’ enerġija ta’ mill-inqas 20%.

L-intrapriżi eliġibbli huma dawk fil-manifattura, tiswija, reviżjoni jew manutenzjoni ta’ ajruplani, tagħmir electromagnetic industrijali, hosting u/jew ipproċessar ta’ informazzjoni diġitali, ippakjar industrijali tal-iskart, telekomunikazzjoni, u laundry u dry cleaning.
Il-Ministru Cardona spjega li “kumpaniji progressivi jużaw prattiċi iktar effiċjenti fl-istrateġija tagħhom biex jiffrankaw, jinnovaw, joħolqu valur u jibnu vantaġġ kompetittiv, u jiftħu opportunitajiet ġodda”.
Il-Ministru Mizzi qal li l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma se tagħti l-kontribut tagħha fl-analiżi teknika tal-proġetti sottomessi lil Malta Enterprise.