Benedittu XVI se jiċċelebra l-festa tan-nanniet mal-Papa Franġisku

Il-Papa Emeritu Benedittu XVI għada l-Ħadd se jagħmel  it-tielet dehra pubblika tiegħu hekk kif se jingħaqad mal-Papa Franġisku biex jiċċelebraw il-festa tan-nanniet u l-anzjani.
L-ewwel darba li deher fil-pubbliku wara r-riżenja, kien waqt il-konċistorju ta’ Frar li għadda meta nħatru 18-il kardinal ġdid. Dakinhar fil-Bażilika ta’ San Pietru, Benedittu kien poġġa bil-qiegħda fl-ewwel filliera mal-kardinali l-oħra u neħħa l-karlotta bħala rispett lejn il-Papa Franġisku.
It-tieni dehra pubblika saret f’April fil-pjazza tal-Vatikan meta kkonċelebra ċ-ċerimonja tal-kanonnizzazjoni ta’ Ġwanni Pawlu II u Ġwanni XXIII.
Għada fi Pjazza San Pietru, siegħa qabel il-quddiesa, Benedittu XVI se jkun preżenti mid-9.30 sal-10.30am. 
Tul dik is-siegħa, in-nanniet mistiedna se jkunu jistgħu wkoll jitkellmu mal-Papa Franġisku.