Benedittu XVI jiltaqa’ mas-saċerdoti Għawdxin

Ilbieraħ filgħaxija grupp ta' saċerdoti Għawdxin, li qegħdin Ruma għall-aħħar minn sensiela ta' laqgħat ta' formazzjoni permanenti, iltaqgħu mal-Papa Emeritu Benedittu XVI.
Huma ġew milqugħa fil-Monasteru Ecclesia Mater, fejn l-istess Benedittu XVI mar jgħix ftit wara li ħalla t-tmexxija tal-Knisja Universali li jinsab fil-ġonna tal-Vatikan.
Il-Papa Emeritu mexxa r-reċita tal-ewwel għasar tas-solennità tat-Trinita Qaddisa fil-kappella privata tiegħu. Wara t-talb f'atmosfera ta' fraternità, il-Papa Emeritu wieġeb għall-mistoqsijiet li staqsewh is-saċerdoti fuq tliet temi differenti.
Benedittu XVI sellem lil kull saċerdot preżenti u tahom kuruna mbierka minnu u santa tifkira tiegħu. Talabhom iwasslu t-tislijiet tiegħu lill-Isqfijiet Malti, b'mod speċjali lill-Isqof ta' Għawdex Mario Grech li kien stiednu jikkonċelebra miegħu f'għeluq meta għalaq 25 sena saċerdot.
F'isem dawk preżenti, Mons. Alfred Xuereb li kien wieħed mis-Segretarji tiegħu offrielu biċċiet ta' bizzilla Għawdxija bħala tifkira ta' dan il-mument għażiż.
Fost il-kelliema għal-laqgħat f'din is-sena pastorali kien hemm il-Kardinal Prospero Grech.