Benedittu XVI: “Il-Knisja għadha ħajja … qatt ma ħassejtni waħdi!”

150,000 persuna nġabret fi Pjazza San Pietru għall-aħħar udjenza ta’ Benedittu XVI. Il-Papa daħal fil-Pjazza fl-10:30 ta’ filgħodu fuq il-Popemobile ibierek u jsellem lin-nies fost il-ħafna ċapċip u għajat.

Bosta gruppi li kienu fil-pjazza ġabu magħhom strixxuni b’kitba fuqhom bħal: ”Għażiż Papa … inħobbuk ħafna … itlob għalina” … ”Inti Pietru u aħna ż-żgħażagħ inħobbuk”.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Papa Benedittu kien jidher kommoss ħafna. Beda billi rringrazzja lin-nies preżenti fi Pjazza San Pietru. Qal li l-Knisja Kattolika tinħass sew li għadha ħajja u għandu fiduċja sħiħa fil-Knisja.

Benedittu XVI qabbel lilu nnifsu ma’ San Pietru meta kien jistad fuq id-dgħajsa fil-Galilija. Qal li “xi drabi s-sajda kienet tkun abbundanti u drabi oħra le … xi drabi l-baħar kien ikun imqalleb u drabi oħra r-riħ jonfoħ kontrik”. Hawnhekk fisser li matul it-tminn snin tal-Pontifikat, għadda minn ħafna nżul u tlajja imma dejjem emmen l-Mulej qiegħed miegħu. Il-Papa qal li l-Mulej mhux se jħalli d-dgħajsa tiegħu tegħreq, b’referenza għall-Knisja.

Kemm waqt id-diskors u anke wara fuq twitter, il-Papa qal jixtieq li kulħadd jesperjenza l-ferħ li tkun nisrani. Il-Fidi, qal il-Papa, hi l-iktar rigal prezzjuż li għandu n-nisrani u li ħadd ma jista’ jneħħi.

Il-Papa Benedittu tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni tar-riżenja tiegħu. Qal li minkejja li kienet deċiżjoni diffiċli, hu għamel dan il-pass b’serenità kbira. Qal li tħobb lill-Knisja ifisser li trid tieħu deċiżjonijiet iebsa u dejjem iżżomm bħala priorità il-ġid tal-Knisja. Qal li se jibqa’ jgħin fil-mixja tal-Knisja permezz tat-talb u r-riflessjoni.

L-aħħar xewqa tal-Papa Benedittu qabel ma jtemm il-Pontifikat hi li nitolbu għas-suċċessur il-ġdid ta’ San Pietru, għalih u għall-Knisja universali.