Bellizzi, l-eks-kappillan ta’ Burmarrad, lajċizzat

Fil-bidu ta’ Diċembru 2020, l-Papa Franġisku laqa’ t-talba ta’  Donald Bellizzi OFM Conv biex ikun lajċizzat. Bellizzi li għamel żmien bħala kappillan ta’ Burmarrad ġie kkundannat tliet snin ħabs għax instab ħati li  abbuża sesswalment minn persuna taħt l-età. Bellizzi issa jitqies bħala persuna lajka u bl-ebda mod ma jista’ jeżerċità l-ministeru ta’ qassis. Huwa lanqas għadu jitqies bħala membru tal-ordni reliġjuż.

Kieku Bellizzi ma talabx li jkun lajċiżżat kieku kien jiffaċċja proċess kanoniku li probabbilment kien iwassal li jkun lajċizzat.

F’Ottubru 2015, Bellizzi kien arrestat u akkużat li kien abbuża minn żgħazagħ taħt l-età. Huwa kien immedjatament sospiż milli jeżerċita l-ministeru saċerdotali. Il-pulizija kienet irċeviet rapport mill-Kap tas-Safeguarding Commission tal-Knisja Andrew Azzopardi biex jinformahom li kien hemm tifel li xtaq jagħmel rapport lill-pulizija.

Waqt li kien għaddej il-proċess kriminali f’Malta, f’Jannar 2017 infetħet ukoll investigazzjoni mill-Knisja.