Belarussja: Il-protesti jkomplu jintensifikaw u jżidu l-pressjoni fuq il-President

Eluf kbar ta’ nies reġgħu ħarġu fit-toroq ta’ Belarussja jisfidaw lill-Pulizija ta’ kontra l-irvellijiet biex jipprotestaw kont ra l-President Alexander Lukashenko.

Preżenza qawwija ta’ Pulizija għalqet l-aċċess għal postijiet importanti, fosthom il-pjazza tal-Indipendenza fil-belt kapitali Minsk. Il-Ministru għall-Intern tal-Belarussja qal li s’issa ġew arrestati 140 persuna.

Waqt li jisfidaw il-pulizija n-nies li ħarġiu jipportestaw bdew jgħajtu biex Lukashenko jitlaq u jsostnu li hu għajb għall-pajjiż. Il-Belarussja ilha mifnija bi protesti għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat, hekk kif il-pubbliku ma aċċettax ir-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali.

L-elezzjoni saret fid-9 ta’ Awwissu u fiha Lukashenko reġa’ ġie elett mill-ġdid bħala President. Huwa ilu fil-poter għal dawn l-aħħar 26 sena u sostna li ma kienx hemm frodi fl-elezzjoni.