Bekids.mt: inizjattiva ta’ ġid għal uliedek

Bil-Malti ngħidu, “Darbtejn insiru tfal!” Espressjoni li timplika li bħala adulti nitilfu s-serjetà – jew tal-anqas nitilfu s-sobrjetà. Imma s-sejħa tan-Nisrani hi li nsiru bħat-tfal iż-żgħar: “Jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 18:3).

Hemm differenza bejn li ssir tifel jew tifla u li ssir “bħat-tfal”. Il-kelma “bħal” timplika xebh, mhux assimilazzjoni. Veru li aktar ma jgħaddi żmien dak li jkun jitgħallem ma jibqax tifel jew tifla imma jsir aktar adult u matur, imma l-kwalitajiet assoċjati mat-tfal, bħall-ispontanjetà u s-sempliċità, xorta jibqgħu mixtieqa. L-adult hu mħeġġeġ jikber (u fl-istess ħin iżomm kuntatt mal-“inner child” u kemm jista’ jkun isir bħat-tfal iż-żgħar), imma għandu wkoll ir-responsabbiltà li jgħin lit-tfal ikunu tfal u ma jikbrux qabel iż-żmien.

X’inhu Bekids.mt?

U hawn jidħol il-proġett ġdid bekids.mt. Bekids.mt ġie maħsub għall-ewwel darba meta grupp ta’ nies li jaħdmu fil-qasam tat-tfal fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta ltaqgħu biex jippjanaw għaż-żjara tal-Papa Franġisku li kellha ssir f’Mejju li għadda. Kif nafu, iż-żjara tal-Papa ġiet posposta iżda din l-ewwel laqgħa seħħet dakinhar stess li l-iskejjel, il-knejjes u ċ-ċentri tal-katekiżmu f’Malta ngħalqu fost il-miżuri kontra l-COVID-19, u hekk bdew sensiela ta’ laqgħat dwar kif l-aħjar niffaċċjaw dawn l-isfidi ġodda.

Sabiex it-tfal jitrawmu f’ambjent Nisrani veru, jeħtieġ li l-adulti li jieħdu ħsiebhom l-ewwel jiskopru huma stess kif isiru bħal tfal żgħar. Waqt li l-għan ta’ bekids.mt hu li joffri formazzjoni kateketika komprensiva għat-tfal (bejn 4 u 7 snin u bejn 8 u 11-il sena) li qegħdin jippreparaw biex jirċievu s-sagramenti, dan is-sit ta’ riżorsi b’logħob, vidjows u krafts b’kontenut kateketiku nħoloq ukoll biex jgħin lill-ġenituri – li jibqgħu l-aktar responsabbli għall-formazzjoni nisranija ta’ wliedhom – imma wkoll lill-katekisti u lil dawk kollha responsabbli mill-formazzjoni fil-fidi tat-tfal.

Dawn ir-riżorsi jistgħu jintużaw fid-djar, iżda mhux se jieħdu post il-lezzjonijiet tal-katekiżmu. It-tfal xorta waħda huma mistennija jmorru l-Mużew, anke jekk isegwu r-riżorsi mis-sit. Il-katekisti jkunu qed jużaw dawn l-istess riżorsi fil-klassi tal-katekiżmu, u jgħinu lit-tfal u lil min jieħu ħsiebhom biex ikunu jistgħu jkomplu jużaw dawn ir-riżorsi anki wara li tispiċċa l-lezzjoni.

Liturġija tal-Ħadd

Il-fidi hi mgħoddija mill-adulti lit-tfal għax l-ewwel wieħed irid jgħixha, iżda nħass ukoll il-bżonn li jkun hemm riflessjonijiet li jgħinu lill-familja kollha dwar ir-relazzjoni bejn l-Evanġelju u l-ħajja. Riflessjonijiet differenti bil-Malti u bl-Ingliż, kif ukoll bis-simboli u numru ta’ attivitajiet. Dawn jinkludu tpinġijiet u kwizz u jittellgħu kull ġimgħa fis-sezzjoni “Liturġija tal-Ħadd”. Il-ħsieb wara din is-sezzjoni (imqassma skont etajiet u bżonnijiet differenti) hu li t-tfal u min jieħu ħsiebhom ikunu ispirati jkomplu jgħixu l-liturġija tal-Ħadd matul il-ġimgħa kollha.

Itlob id-Dar

Il-ħajja Nisranija hija mmarkata minn ritmu ta’ talb, u dan il-proġett ħaseb f’sezzjoni, “Itlob id-Dar”, biex titrawwem ħajja aktar ta’ talb fit-tfal. Din is-sezzjoni tħeġġeġ lit-tfal direttament joħolqu spazji ta’ talb fid-dar permezz ta’ vidjows u numru ta’ attivitajiet. Hawn it-tfal jistgħu jitolbu wkoll talb tradizzjonali li kull ġimgħa jiġi ppreżentat lit-tfal b’mod li jgħinhom jiskopru aktar l-għeruq tal-fidi u tat-tradizzjoni Nisranija Maltija.

Eroj

Fis-sezzjoni “Eroj” it-tfal u min jieħu ħsiebhom huma mistiedna jiltaqgħu ma’ qaddisin differenti li jħeġġu lit-tfal jikbru fil-virtujiet ispirati mill-ħajjiet ta’ dawn il-qaddisin stess. Fil-parti indirizzata lill-ġenituri jkun hemm ħarsa ħafifa lejn ħajjet il-qaddis/a b’vidjow u punti li jistgħu jgħinu f’diskussjoni mat-tfal dwar kwalitajiet li spikkaw fil-qaddis/a partikulari u kif huma stess jistgħu jgħixuhom fil-ħajja ta’ kuljum. Fil-parti indirizzata lit-tfal ikun hemm attività marbuta mal-qaddis/a partikulari.

Agħraf il-Fidi Tiegħek

L-aħħar sezzjoni, “Agħraf il-Fidi Tiegħek”, tistieden lit-tfal jitgħallmu aktar dwar it-tradizzjoni Kattolika. Bi kwizz kull ġimgħa fuq sagrament partikolari u b’materjal maħdum minn sit kateketiku internazzjonali (catholicbrain.com), li se jkun offrut bil-Malti u bl-Ingliż, nittamaw li noffru l-aqwa formazzjoni possibbli għat-tfal tagħna permezz tal-midja diġitali fid-djar, fil-parroċċi, fiċ-ċentri kateketiċi u fl-iskejjel.

Veru li l-ħajja turina li “darbtejn insiru tfal”, imma tal-anqas fil-fidi nistgħu nkunu adulti li, għax ma nsejniex inkunu bħat-tfal, ngħinu lit-tfal isiru tfal responsabbli u ferħana.

Artiklu miktub mill-Uffiċċju għall-Evanġelizzazzjoni tad-Djoċesi