Bejrut: ACN Malta b’appell urġenti ta’ karità għall-ikel

L-Aid to the Church in Need (Malta) qed tniedi appell urġenti biex jinġabru flus għal programm ta’ ikel ta’ emerġenza biex jgħin u jassisti lill-Kristjani f’Bejrut, li bħalissa jinsabu għaddejjin minn tbatija kbira. Fl-4 ta’ Awwissu li għadda, splodew 2,750 tunnellata ta’ nitrat tal-ammonju li kienu maħżuna. F’temp ta’ ftit sekondi biss twettqet ferm iktar ħsara fil-kwartier Kristjan ta’ Bejrut milli kien hemm tul is-snin kollha ta’ gwerra ċivili. Mill-inqas 100 persuna nqatlu u 4,000 oħra ndarbu.

Meta tkellem ma’ ACN (Malta) minn Beirut, in-Nunzju Appostoliku għal-Libanu, il-Monsinjur Joseph Spiteri, li hu Malti, qal: “Kont fin-Nunzjatura, li tinsab xi 20 kilometru ’l bogħod, meta seħħet l-isplużjoni. Minkejja din id-distanza, l-isplużjoni nħasset qisha splodiet karozza-bomba ħdejna. Din ikkawżat ħsarat u devastazzjoni enormi fuq raġġ ta’ tliet kilometri, apparti milli farrket ukoll it-twieqi sa 10 kilometri ‘l bogħod. Il-parti l-kbira taż-żona Kristjana ta’ Bejrut ġarrbet ħsarat kbar b’mill-inqas 10 knejjes, erba’ sptarijiet u sitt skejjel milquta b’mod qawwi ħafna. Mat-300,000 persuna spiċċaw bla dar, filwaqt li l-għajxien u x-xogħol ta’ ħafna nqerdu għal kollox. L-għajnuna internazzjonali hi meħtieġa b’mod urġenti, iżda dak li hu ta’ bżonn mill-aktar fis huma ikel u mediċini. Nappella lill-Maltin kollha ta’ rieda tajba biex jappoġġjaw u jgħinu fl-appell ta’ ACN (Malta).”

Id-Direttur ta’ ACN (Malta) Stepehn Axisa spjega kif l-benefatturi ta’ACN Malta joffru l-għajnuna b’mod regolari, pero fiċ-ċirkustanzi tal-isplużjoni f’Beirut qed isir appell biex il-Maltin jgħinu lill-Kattoliċi milquta mill-isplużjoni mill-aktar fis billi jikkontribwixxu għall-programm ta’ emerġenza tal-ikel.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo esprima s-solidarjetà tiegħu ma’ Mons. Psiteri u qal li l-Gvern se jkun qed jgħin lil dawk milquta minn dan l-inċident.

Donazzjonijiet jistgħu jintbgħatu lil IBAN: MT72APSB 7705 7008 5772 2000 1771 733. Biex issir taf aktar dwar l-impenn u l-proġetti ta’ ACN (Malta) u kif tkun parti mill-missjoni tagħha, tista’ żżur www.acnmalta.org, iċċempel 21487818, jew tibgħat imejl fuq info@acnmalta.org