Bejn Lulju u Settembru tal-2013 daħlu 42,618-il immigrant fl-Ewropa

Skont l-aġenzija Ewropea Frontex, in-numru tal-wasliet mill-immigranti bejn Lulju u Settembru tas-sena li għaddiet kien ikbar miż-żmien tar-Rebbiegħa l-Ġdida fil-pajjiżi Għarab matul l-2011.
Kien hemm ukoll l-ikbar numru ta’ talbiet għall-ażil sa’ mill-2008.
Ma’ Newsbook.com.mt, Frontex ikkonfermaw li kienu 42,618 l-immigranti li daħlu fl-Unjoni Ewropea matul it-tielet kwart tas-sena li għaddiet.
Kważi id-doppju tal-istess xhur tas-sena ta’ qabel.
L-akbar numru ta’ immigranti waslu mis-Sirja, l-Eritrea u s-Somalja, bil-maġġoranza jitilqu lejn l-Ewropa mil-Libja.
L-aktar żona milquta kien iċ-ċentru tal-Mediterran fejn fi Sqallija biss waslu 12,000 immigrant.
L-iktar post fejn kien hemm wasliet wara Sqallija kien l-Ungerija.
Għall-Frontex, Malta tibqa’ każ partikolari minħabba ċ-ċokon. 
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, l-aġenzija Frontex qalet li l-iktar mezz komuni li qed jintuża għall-ġarr tal-immigranti huwa l-baħar fejn jintużaw bastimenti kbar għall-vjaġġ iżda l-immigranti jitwasslu l-art b’dgħajjes żgħar jew inkella b’dinghies.