Bejn Jannar u Frar id-defiċit tal-Gvern jonqos b’€46 miljun

Fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena, id-deficit tal-Gvern Ċentrali naqas bi kważi €47 miljun biex issa jlaħħaq €104 miljun. F’Jannar u Frar tas-sena l-oħra d-defiċit tal-gvern kien ta’ €150 miljun.

Ċifri maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li żieda ta’ €74 miljun fid-dħul rikorrenti tal-gvern għamel tajjeb għal żieda fin-nefqa ta’ €27 miljun.

F’Jannar u Frar id-dħul kollu tal-Gvern kien ta €437 miljun żieda ta’ 20.5% fuq l-istess xhur tas-sena li għaddiet. Iż-żieda fid-dħul kienet dovuta mill-Grants (€47 miljun), mill-Income Tax (€29miljun) u s-Sigurtà Soċjali (€11 miljun).

In-nefqa rikorrenti żdiedet bi kważi €12 miljun. Dan minħabba żieda fl-inizjattivi u programmi tal-Gvern fuq il-benefiċċji soċjali u l-mediċini, 25.4 miljun ewro u €9.6 miljun rispettivament.

Fuq nota oħra, id-dejn tal-Gvern sa Frar li għadda kien €4,782 miljun, żieda ta’ €82.8 miljun meta mqabbel mal-istess żmien tas-sena l-oħra.