Bejn illum u l-Ħadd jaslu Malta l-Indjani u l-Filippini mil-Libja

Wara l-wasla tal-vapur HMS Enterprise b’ċittadini mir-Renju Unit li telqu mil-Libja, aktar tard din il-ġimgħa se jaslu aktar barranin li jridu jitilqu minn Tripli.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li nhar il-Ħadd li ġej se jasal Malta bastiment bil-Filippini mil-Libja.
Il-Ħamis jew il-Ġimgħa se jitlaq minn Malta bastiment lejn Bengażi biex jiġbor il-ħaddiema Filippini li jridu jitilqu.
Dawn il-Filippini jammontaw għal madwar 1,500 u kienu qed jaħdmu fi Tripli, Miżurata u Bengażi.
Kif jaslu Malta, il-Filippini se jmorru Manila b’titjiriet kummerċjali.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li apparti l-Filippini, bejn illum u għada se jaslu Malta eluf ta’ ċittadini Indjani, permezz ta’ vapur minn Bengażi.
Jirriżulta li l-Gvern Indjan ipprepara wkoll żewġ titjiriet bl-ajru mit-Tuneżija u Malta biex dawn il-ħaddiema jmorru lura l-Indja.
Dawn it-titjiriet se jakkomodaw madwar 300 persuna.
Fost il-ħaddiema li mistennija li jiġu evakwati hemm ukoll infermiera Indjani fi Tripli u Bengażi.
Fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, aktar pajjiżi qed jappellaw liċ-ċittadini tagħhom biex jitilqu.
Fil-ġranet li għaddew bdiet l-evakwazzjoni tal-ħaddiema Torok filwaqt li qed ikompli l-evakwazzjoni tal-ħaddiema Ċiniżi, li jammontaw għall-ikbar numru ta’ ħaddiema barranin fil-Libja.  
Il-ġlied madwar Tripli f’dawn l-aħħar ġimgħat wassal għall-mewt ta’ 230 persuna.