​Bejn Griżma u preċetti, Mejju impenjattiv għall-Arċisqof

Ix-xahar ta’ Mejju se jkun wieħed bieżel għall-Arċisqof Charles Scicluna wara li f’Jum il-Ħaddiem iċċelebra Quddiesa li matulha ta l-pussess lil Dun Mark Mallia Pawley bħala l-Arċipriet il-ġdid tal-Parroċċa Santa Marija, Ħad-Dingli u lil Patri Publius Mair bħala l-Kappillan il-ġdid tal-Parroċċa Marija Reġina, il-Marsa.
Fix-xahar ta’ Mejju, se jamministra s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof lill-adolexxenti fil-Parroċċa Santa Marija l-Imġarr, fil-Parroċċa tal-Immakulata Omm il-Knisja, l-Ibraġ u fil-Parroċċa San Girgor il-Kbir u l-Parroċċa Stella Maris, fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu il-Belt Valletta, fil-Parroċċa ta’ Ġesù Nazzarenu Tas-Sliema, fis-Santwarju tal-Ħniena Divina fin-Naxxar u fil-Parroċċa San Franġisk ta’ Assisi fil-Qawra.
Fl-aħħar Ħadd ta’ Mejju imbagħad fis-27 ta’ Mejju, l-Arċisqof jibda Viżta Pastorali fil-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi u matulha jamministra s-Sagrament tal-Ewwel Tqarbina.
Impenji oħra tiegħu huma dak tal-Ħamis 3 ta’ Mejju fejn se jiċċelebra Quddiesa ma’ grupp ta’ pazjenti u voluntiera ta’ St Michael’s Hospice fil-Knisja Parrokkjali, l-Iklin, L-għada l-Ġimgħa jiċċelebra Quddiesa li matulha jagħti l-pussess lil Dun Norman Zammit bħala l-Arċipriet il-ġdid tal-Parroċċa Santa Marija, il-Gudja.
Il-Sibt 5 ta’ Mejju filgħaxija l-Arċisqof jagħmel żjara pastorali fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Safi u l-Ħadd jamministra s-Sagrament tal-Qrar u jiċċelebra Quddiesa
It-Tlieta 8 ta’ Mejju imbagħad tiġi l-festa tal-Madonna ta’ Pompej fejn l-Arċisqof Scicluna jitlob s-Supplika tal-Madonna ta’ Pompej fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta. Wara jmexxi pellegrinaġġ u Quddiesa fil-pjazza quddiem il-Knisja tal-Madonna ta’ Pompej, Marsaxlokk.
L-għada l-Erbgħa l-Arċisqof jibda l-ġurnata b’Quddiesa fil-Kulleġġ San Injazju, tal-Ħandaq, fl-okkażjoni tal-10 anniversarju mit-twaqqif tal-iskola u filgħaxija jiċċelebra Quddiesa fil-festa ta’ San Ġorġ Preca, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera.
Is-Sibt 12 ta’ Mejju se jmexxi Quddiesa mal-Għaqda Eks studenti Liceo f’San Pawl il-Baħar.
Is-Sibt 19 ta’ Mejju l-Arċisqof se jfakkar il-25 anniversarju mit-twaqqif tal-Fondazzjoni Richmond u dan se jsir permezz ta’ quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Din il-Quddiesa ser tixxandar fuq il-Youtube Channel tal-Knisja f’Malta.
Il-Ġimgħa 25 ta’ Mejju se jmexxi Quddiesa li matulha jagħti l-pussess lil Dun Christopher Ellul bħala l-Arċipriet il-ġdid tal-Parroċċa Marija Annunzjata, Ħal Tarxien.