Aġġornata: “Bejn 5 u 7 snin oħra jkun sar il-pipeline tal-gass” – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li bejn 5 u 7 snin oħra se jkun sar il-pipeline tal-gass mal-Italja.
Dr Muscat qal li din il-kwistjoni suppost ilha solvuta għax jiftakar l-argumenti kontra li tittieħed fergħa meta għadda l-pipeline bejn l-Afrika u l-Italja għax kien hemm “min ma riedux biex nibqgħu nixtru ż-żejt.”
F’intervista fuq l-istazzjon tar-radju One, il-Prim Ministru qal li għall-ewwel se jkun il-vapur li jieħu post il-pipeline.
Dr Joseph Muscat qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għadu ma qabadx art dwar l-enerġija filwaqt li jkun aħjar li Dr Busuttil jitkellem fuq dak li jifhem milli fuq dak li jgħidlu ħaddieħor.
Qal li f’każ li jiġri xi ħaġa lill-pipeline, hu maħsub li jkun hemm sistema back-up għax l-interconnector m’huwiex biżżejjed.
Dr Muscat reġa’ sostna li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma huma orħos u issa jmiss li jorħsu ukoll għall-industrija.
Il-Prim Ministru qal li fil-baġit minbarra t-58ċ għall-għoli tal-ħajja, se jittieħdu miżuri u inizjattivi ġodda li jkomplu jgħinu lill-familji.
Qal li l-baġit se jkun jinkludi fih numru ta’ mizuri mingħajr preċedent biex is-settur pubbliku u dak privat jaħdmu flimkien.
Qal li mhux kollox ward u żahar iżda żied jgħid li n-nies fis-skiet fi djarhom jafu li dan il-pajjiż jinsab f’pożizzjoni aħjar minn sena u nofs ilu.
Dr Muscat qal li bħalissa hawn l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, iżda għal min m’għandux xogħol, dan ma jfisser xejn.
Qal li 2% tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol għandhom ikunu persuni b’diżabilità, iżda qal ukoll li ħafna minn negozji m’humiex iżommu ma’ din il-liġi.
Żied jgħid li l-Oppożizzjoni mhix konsistenti u qed tgħix kontradizzjoni filwaqt li staqsa dwar l-accountabililty tal-istess Partit Nazzjonalista.
Irrefera wkoll għall-fatt li Jeffrey Pullicino Orlando ried imur lura u Dr Simon Busuttil “qal li m’għandniex bżonnu.”

Reazzjoni tal-PN: 
Fi stqarrija, il-PN qal li skont l-aħħar statistika, il-Maltin iħallsu l-ogħla prezzijiet tal-fuels fl-Ewropa u l-ikbar inkwiet  tagħhom huwa t-traffiku.
Filwaqt li l-PN sostna li dawn huma żewġ fatti, mhux perċezzjoni qal ukoll li Joseph Muscat injora għal kollox dawn it-temi important waqt l-intervista li kellu dalgħodu, u minflok tkellem dwar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil. 
Il-PN sostna li flok jaħli l-ħin fi stil ta’ politika antikwata, Joseph Muscat għandu jitkellem fuq temi ta’ interess pubbliku fosthom l-housing soċjali, is-sussidju lill-kumpanija Spanjola u l-power station.
Għall-Partit Nazzjonalista, il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jikkonferma kif f’sena u nofs diġà nqata’ minn man-nies.