Bejjiegħ tat-triq jinqatel b’tir f’Firenze

Bejjiegħ tat-triq Afrikan inqatel b’tir ġewwa Firenze fl-Italja.
Il-pulizija arrestat lit-Taljan ta’ 66 sena li spara sitt tiri lejn l-Afrikan li kien qed ibiegħ basktijiet tal-ġilda, umbrellel u ornamenti oħra viċin ta’ pont fil-Belt Toskana.
Il-Pulizija qalet li sabu nota ta’ suwiċidju fl-appartament tas-suspettat u li meta analizzaw l-użu tiegħu tal-midja soċjali sabu li kellu passjoni għall-armi tan-nar.
Madanakollu, il-Pulizija għadha ma identifikatx il-vittma u lanqas il-motif wara dan il-qtil.