Bejgħ tal-passaporti: Il-Gvern se jwieġeb formalment għall-azzjoni tal-KE

Read in English.

Il-Gvern qal li se jwieġeb formalment għall-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta lilu mill-Kummissjoni Ewropea sabiex din tieħu azzjoni kontra Malta u Ċipru minħabba li l-iskema taċ-ċittadinanza taż-żewġ pajjiżi tmur kontra r-regoli tal-Unjoni Ewropea.

Fi stqarrija maħruġa llejla, il-Gvern iddefenda l-programm ta’ investiment bil-bejgħ tal-passaporti, u qal li għalkemm huwa qed jippjana programm ġdid ta’ ċittadinanza, dan kien wieħed robust, l-istess bħalma qal il-Prim Ministru Robert Abela hu u jiddefendih mal-ġurnalisti lbieraħ.

Fl-azzjoni li ħadet kontra Malta minħabba dan, il-Kummissjoni Ewropea nnutat li programm bħal dan, li jagħti ċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea lil kwalunkwe persuna, idgħajjef l-essenza ta’ din iċ-ċittadinanza.

Fl-istqarrija, il-Gvern tenna li “iċ-ċittadinanza hija kompetenza tal-istati membri individwalment, fejn kull pajjiż Ewropew jiddeċiedi waħdu min huma l-individwi li jemmen li għandhom jirċievu ċ-ċittadinanza. Hemm aktar minn 600,000 individwu li jsiru ċittadini Ewropej kull sena bi skrutinju minimu ħafna. Kif jidher mill-impenn riċenti bla preċedent ta’ Malta sabiex tirriforma l-liġijiet u tkompli tħares il-valuri Ewropej, Malta qed timplimenta regolamenti li jmorru lil hinn minn dak li jagħmlu ħafna stati membri Ewropej oħra biex jiskrutinizzaw l-applikanti għaċ-ċittadinanza.”

Ġie spjegat li bir-regolamenti ġodda fil-programm ta’ investiment, individwi se jkunu jistgħu japplikaw għaċ-ċittadinanza biss wara tliet snin ta’ residenza jew b’eċċezzjoni permezz ta’ investiment ogħla wara sena. Barra minn hekk, l-individwi jitħallew japplikaw għaċ-ċittadinanza biss wara li tkun saret valutazzjoni bir-reqqa tad-diliġenza. Ir-regolamenti l-ġodda mhux se jibqa’ jkollhom konċessjonarju. Il-Gvern wiegħed li se jkompli jippubblika l-ismijiet tal-applikanti kollha li jirċievu ċittadinanza Maltija u se jiġu ppubblikati ismijiet ta’ persuni li ma ngħatawx ċittadinanza Maltija.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet illum, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne rrepeta kliem il-Prim Ministru Robert Abela, li parti mit-tort għal din l-azzjoni tal-KE hi l-kritika mill-MEPs Maltin Roberta Metsola u David Casa. Hu rrepeta li l-Gvern Malti se jibqa’ jiddefendi dan il-programm u l-pożizzjoni ta’ Malta.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ma deherx imxekkel wisq minn din il-kwistjoni billi qal li bħalma Malta rebħet każi simili kontriha, għad tirbaħ dan ukoll.