Bejgħ sptarijiet: Scerri Herrera mhux se tisma’ l-appell

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera astjeniet milli tkun hi li tisma’ l-każ urġenti sottomess minn tliet Ministri dwar il-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet. Hi qalet li dan minħabba li ħuha huwa ministru wkoll.

Scerri Herrera kienet intalbet tisma’ l-appell sottomess mill-Ministri Konrad Mizzi, Edward Scicluna u Chris Cardona kontra d-deċiżjoni ta-Maġistrat Doreen Clarke li ordnat inkjesta fil-ftehim tal-Vitals Global Healthcare (VGH). Dan ifisser li t-tliet Ministri inkwistjoni għandhom jiġu investigati.

Aqra: Inkjesta sptarijiet: It-3 Ministri investigati għat-tieni darba

Nhar l-Erbgħa, il-Maġistrat Clarke ddikjarat li t-talba tal-għaqda mhux governattiva Repubblika għandha tiġi aċċettata fid-dawl ta’ evidenza ġdida b’rabta mal-imġieba tal-Ministri fil-bejgħ tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech, lil Vitals Global Healthcare (VGH). Hija rreferiet il-każ lil maġistrat ieħor li bħalissa qed jinvestiga lil Ivan Vassallo, is-sid ta’ Technoline.

Intant, il-Ministri kienu fetħu appell urġenti fil-Qorti Kriminali. Huma argumentaw li l-Maġistrat Clarke marret oltre mit-talba oriġinali ta’ Repubblika, li staqsietha tiddeċiedi biss jekk hemmx bażi għal inkjesta jew le.

Aqra: “X’korruzzjoni? Xi frodi?” – It-3 Ministri b’appell urġenti