Bejgħ sptarijiet: “Ippruvajna nċemplu lil Keith Schembri diversi drabi” – NAO

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) qal li għamel diversi tentattivi bit-telefown biex jikkuntattja lil Keith Schembri dwar il-ftehim li sar bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare (VGH) b’rabta mat-tliet sptarijiet.

Din ir-reazzjoni tal-NAO qed toħroġ wara li l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fi stqarrija ġuramentata qal li l-korrispondenza mill-NAO waslitlu ġurnata qabel il-pubblikazzjoni tad-dokument. L-NAO stqarr minbarra li għamel diversi tentattivi bit-telefown, ipprova wkoll jikseb l-indirizz elettroniku tiegħu iżda ma rnexxilux. L-Uffiċċju kompla jispjega li fil-21 ta’ Lulju l-NAO wassal ittra bl-idejn fir-residenza ta’ Schembri, filwaqt li l-istess ittra ntbagħtet ukoll bil-posta rreġistrata l-għada, it-22 ta’ Lulju.

Fl-affidavit ilbieraħ, Keith Schembri ċanfar lill-NAO talli talbu bil-miktub għall-kummenti, tlett ijiem wara d-data tal-għeluq li stipula l-istess uffiċċju.

Keith Schembri ċaħad li kien involut fit-tħejjija u fl-eżekuzzjoni tal-memorandum ta’ ftehim (MOU) b’rabta mal-bejgħ tal-isptarijiet. Huwa poġġa r-responsabbiltà kollha fuq l-eks Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Mario Galea.

“Niddikjara illi dan l-MOU ma nnegozjajtux jien, ma ktibtux jien, ma ffirmajtux jien u ma kelli l-ebda involviment fih,” iddikjara Schembri. Schembri qal li għal xi wħud sar komdu li jispiċċa fil-mira ta’ dak kollu li qed jiġi attribwit lill-Gvern li kien imexxi Joseph Muscat.

Saħaq li qed “jiċħad b’mod assolut” li serva bħala xi tip ta’ “id moħbija” fil-ftehim. Qal li lanqas jaf x’kompla jiġri dwar is-suġġett għajr dak li kien jisma’ waqt id-diskussjonijiet fuq il-kwistjoni tal-Vitals fil-laqgħat tal-Kabinett.

Schembri kkonferma li kien l-eks Ministru Chris Cardona li kien il-firmatarju tal-Gvern. Però, qal li Cardona ma kienx involut fin-negozjati ta’ qabel l-iffirmar.