Il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Dr Martin Balzan, qal li l-parir tal-assoċjazzjoni huwa li la l-Awditur Ġenerali sab li l-proċess li bih l-isptarijiet ta’ Għawdex, San Luqa u Karen Grech ġew mgħoddija lil Vitals Global Healthcare kien ivvizzjat, allura anke l-ftehim sussegwenti huwa vvizzjat. Għaldaqstant saħaq li għalhekk il-Gvern għandu jinħall mill-ftehim li għandu ma’ Steward Healthcare.
Dr Martin Balzan qal dan meta kien qed jiġi intervistat waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103. Dr Balzan stqarr li minkejja li l-Gvern ħareġ il-miljuni, dak li kien miftihem ma seħħx u issa “għandna sitwazzjoni fejn ħareġ biċ-ċar li l-proċess ma sarx kif suppost”.
Fakkar kif il-MAM flimkien mal-UĦM talbu lill-Awditur Ġenerali erba’ snin ilu jibda investigazzjoni dwar il-proċess tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet. Irrimarka li erba’ snin wara, hemm dikjarazzjoni li tagħti s-saħħa lill-Gvern li jinħall minn dan il-ftehim u “għaldaqstant il-Gvern għandu jaġixxi minnufih.
Minkejja li ħarġu miljuni kbar ta’ ewro lil min ingħata l-konċessjoni u minkejja li kellu jkun hemm tibdiliet u proġetti sostanzjali, dan ma sarx u kull ma rajna kien li Vitals u Steward jitolbu aktar flus, żied jgħid Martin Balzan.
Ir-reazzjoni ta’ Balzan għad-distinzjoni li għamel il-Ministru għas-Saħħa li r-rapport tal-Awditur ma jkoprix lill-plejers ta’ issa kienet li ġaladarba l-konċessjoni nbdiet minn proċess ivvizzjat, anke l-ftehim ta’ bħalissa huwa vvizzjat.
Fil-ġimgħat li għaddew l-Awditur Ġenerali ħareġ rapport dwar it-trasferiment tat-tliet sptarijiet u insista li l-proċess kien wieħed dubjuż u li sar minn wara dahar il-kabinett.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Konrad Mizzi, li meta sar il-ftehim kien il-Ministru għas-Saħħa saħaq li l-kabinett kien infurmat bil-ftehim mal-VGH. Minkejja dan, il-Ministru Chris Fearne, dakinhar Segretarju Parlamentari, qal li hu ma kellux idea ta’ x’kien qed jiġri.