Bejgħ sptarijiet: Il-Ministru jitfa’ l-ballun f’saqajn il-VGH

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ma weġibx dwar x’kienet ir-raġuni li wasslet lill-Vitals Global Healthcare biex ibigħ il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet Maltin lill-kumpanija Amerikana Steward Health Care.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Konrad Mizzi, li meta ngħatat il-konċessjoni kien Ministru għas-Saħħa, qal li l-ftehim sar wara negozjati “privati” bejn żewġ partijiet u għalhekk ma kienx f’pożizzjoni li jwieġeb.
Il-Ministru żvela wkoll li Steward Health Care se tkun qed tieħu f’idha t-tmexxija tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mill-ġimgħa d-dieħla.
Il-Ministru kkonferma wkoll li l-ftehim mal-Vitals Global Healthcare kien iffirmat xhur qabel ma ħarġet is-sejħa għall-espressjoni ta’ interess għall-privatizzazzjoni tal-isptarijiet, iżda insista wkoll li dan il-ftehim kien dwar proġett li l-Gvern kien irrifjuta.
Jidher li dan il-ftehim kien dwar sptar ikbar għal Għawdex, iżda l-Ministru saħaq li l-Gvern kien informa lil Vitals li ma kienx interresat.
Minkejja dan, fl-aħħar jiem ġie ppubblikat Memorandum of Undertanding minn The Shift News li skont ir-rapporti, juri kif il-konsorzju Vitals Global Healthcare kien jaf minn qabel li l-isptarijiet se jkunu f’idejh.
Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dan, il-Ministru insista li dan kien iffirmat bejn il-Malta Enterprise u l-Vitals Global Healthcare u kien dwar l-iżilupp tal-iskola Medika Barts f’Għawdex.
B’referenza għal artiklu fuq il-faċċata tat-Times of Malta, Il-Ministru kien mistoqsi wkoll dwar garanzija ta’ €9 miljun li Vitals Global Healthcare intrabtet biha ftit wara li kien iffirmat il-ftehim.
Għalkemm tqajmu dubji dwar jekk il-VGH kinitx għamlet din il-garanzija, il-Ministru insista li din għadha teżisti u tibqa’ tapplika sa Mejju tal-2018 u se tkun trasferita għal Steward.
Minkejja dan, il-Ministru qal li ma jiftakarx l-isem tal-bank li fih saret il-garanzija. Qal biss li huwa bank internazzjonali u b’reputazzjoni tajba.
Ftit jiem qabel il-Milied sar magħruf minn fuq il-midja li l-Vitals Global Healthcare biegħet il-konċessjoni biex tmexxi l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lil Steward Healthcare System.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien iddeskriva dan bħala aħbar sabiħa għall-pajjiż u kien qal ukoll li l-Unjins ħadu din l-aħbar b’mod tajjeb.
Saru diversi talbiet biex issir investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali saret ukoll mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) bis-Segretarju Ġenerali Martin Balzan jiddeskrivi l-ftehim bħala fażul u li mhux fl-aqwa interess tal-pazjent.