Bejgħ illegali tat-tonn: Karmenu Vella jikkundanna; isegwi l-każ

Il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd Karmenu Vella kkundanna bil-qawwa l-“prattiċi ħżiena” li qed joħroġu mill-investigazzjonijiet tal-Gwardja Ċivili Spanjola fl-operazzjoni msemmiha ‘Operation Tarantelo’. Vella kien qed jikkummenta wara li l bieraħ ġiet sospiża d-Direttur Ġenerali tas-Sajd Andreina Fenech Farrugia f’Malta wara li gazzetta Spanjola ppubblikat transkrizzjonijiet telefoniċi bejn Fenech Farrugia u direttur ta’ kumpanija Spanjola b’kumpanija f’Malta li qed tiġi investigata. Fenech Farrugia ċaħdet dak li ġie rrappurtat dwarha.

AQRA: Aġġornata (2) : Inkjesta dwar “teħid ta’ flus mill-bejgħ tat-tonn mid-DĠ”

Vella qal dan fi stqarrija mibgħutha l-Erbgħa. Il bieraħ Newsbook.com.mt bagħat numru ta’ mistoqsijiet lil Vella li baqgħu mhux imwieġba.

Fl-istqarrija Vella saħaq li dak li qed jiġi żvelat huma prattiċi li jmorru kontra l-liġijiet Ewropej kif ukoll dawk internazzjonali, għaldaqstant sostna Vella ma jistawx jiġu tolerati.

Vella saħaq li l-Kummissjoni Ewropea qegħda f’kuntatt mal-awtoritajiet nazzjonali relevanti għall-każ kif ukoll awtoritajiet oħra relevanti għal din l-operazzjoni, bħal Europol. Sostna li l-Kummissjoni lesta li tipprovdi iktar assistanza lill-awtoritajiet ikkonċernati u li qed jaħdmu fuq ‘Operation Tarantelo’.

Domanda u risposta fuq il-każ mill-kelliema tal-Kummissarju

Mal-istqarrija ġiet ippubblikata serje ta’ domanda u risposta mill-kelliema għall-Kummissarju. Fid-dokument ippubblikat il-kelliema għall-Kummissarju Vella qalet li Direttur Ġenerali MARE, João Aguiar Machado, kien il-Bulgarija għal laqgħa informali mad-Diretturi Ġenerali tal-Istati Membri tal-Unjoni li għaliha kien hemm preżenti Fenech Farrugia. Skont it-transkrizzjonijiet Fenech Farrugia qalet li Jose Fuentes Garcia li tinsab il-Bulgarija u li qed tistenna l-ħlas kif ukoll li għandha laqgħa mad-Direttur Ġenerali ta’ Brussell. Dan imur lura għall-20 ta’ Ġunju 2018. Il-kelliema għall-Kummissarju Vella saħqet li filwaqt lid-Direttur Ġenerali MARE kien preżenti għal-laqgħa informali, huwa ma kellu l-ebda laqgħat bilaterali ma’ Fenech Farrugia.

‘Operation Tarantelo’ bdiet meta l-Gwardja Ċivili Spanjola nnuttat diversi rregolaritajiet relatati mas-sajd għat-tonn fil-baħar Mediterran. L-investigazzjonijiet kixfu kif it-tonn kien qed jinbiegħ illegalment fi Spanja. Il-ħut kien qed jiddaħħal minn portijiet Franċiżi wara li kien jinqabad f’ibħra Maltin u Taljani. Il-ħut maqbud f’Malta kien jiġi impurtat b’mod illegali bl-użu ta’ dokumenti tas-sajd legali u rziezet tat-tonn awtoriżati. Filwaqt dak maqbud fl-Italja kien jidħol fi Spanja bla dokumenti u mingħajr ma jiġi spezzjonat. Kien hemm ukoll każijiet ta’ tonn maqbud illegalment f’ibħra Spanjoli li kien jiġi trasportat ġo qiegħan foloz tad-dgħajjes.