Bejgħ ħwienet: Żieda fil-bejgħ għal 32%; nuqqas ta’ ħaddiema

L-istħarriġ il-ġdid tal-GRTU, li jħares lejn il-ħidma tan-negozji ż-żgħar u medji f’Malta, sab li kien hemm sena pożittiva hekk kif tlieta minn kull erba’ negozji ma rrappurtawx nuqqas fit-turnover.
Minkejja dan, in-nuqqas ta’ ħaddiema f’dawn l-oqsma tibqa’ waħda mill-ikbar problemi hekk kif tnaqqas sostanzjalment ir-ritmu tat-tkabbir tan-negozju.
Mill-200 kumpanija li ħadu sehem f’dan is-servej, 32% qalu li kellhom żieda fil-bejgħ fi żmien il-festi, filwaqt li 29% irrappurtaw li biegħu inqas meta kkumparat mal-istess perjodu fl-2016.
Il-ġimgħa tal-Milied ġiet irrappurtata bħala waħda mill-iktar ġimgħat attivi għan-negozji, segwita mill-weekend tat-8 ta’ Diċembru, it-13 ta’ Diċembru u Black Friday.
Black Friday mhux pożittiva għal kulħadd
Black Friday deher li kellu effetti kemm negattivi kif ukoll pożittivi fuq żmien il-festi. Kienu biss 17% tal-kumpaniji li qalu li żdiedilhom in-negozju speċifikament minħabba Black Friday. Min-naħa l-oħra, 20% ħassew li minħabba Black Friday naqsilhom il-bejgħ fi żmien il-Milied.
Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn il-bejgħ li sar is-sena l-oħra, 43.5% tal-kumpaniji rreġistraw żieda, iżda kienu biss 32% minnhom li għamlu aktar profitt mis-sena ta’ qabel.
In-nefqa medja fil-ħwienet: Bejn €20 u €49
Il-maġġoranza tan-negozji li rrappurtaw tnaqqis fit-turnover qalu li dan kien minħabba l-kompetizzjoni kbira onlajn, kif ukoll fis-suq lokali. Oħrajn qalu li rrappurtaw nuqqas minħabba kummerċ illiċitu, kompetizzjoni inġusta, u n-nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ parkeġġ.
Il-klijenti jibqgħu fil-maġġoranza Maltin, total ta’ 68% u l-medja tan-nefqiet fil-ħwienet kienet dik ta’ bejn l-€20 u l-€49.
"Milied tajjeb għan-negozjanti Għawdxin"
Intant il-Ministeru għal Għawdex qal li n-negozjanti Għawdxin kellhom Milied tajjeb, u li l-influss ta' turisti Maltin u barranin, għen ħafna biex id-diversi stabbilimenti turistiċi Għawdxin kellhom xogħol tajjeb.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li dan ikkonfermatu mad-diversi sidien tan-negozju li ltaqgħet magħhom waqt li kienet qed iżżur xi ħwienet.
Fi stqarrija, il-Ministeru għal Għawdex ikkwota ċifri li juru li bejn Diċembru u s-7 ta’ Jannar ġiet irrappurtata żieda ta' 6% fil-passiġġieri u 4% fil-vetturi li qasmu l-fliegu. F'dan il-perjodu qasmu bejn Malta u Għawdex 464,837 passiġġier u 141,349 vettura. Dan meta mqabbel mal-438,001 passiġġier u 132,921 vettura li qasmu fl-istess żmien is-sena l-oħra.
Il-Ministeru jgħid li dan l-influss sar minħabba l-attivitajiet differenti li ġew organizzati f’Għawdex fi żmien il-Milied taħt il-programm Milied f’Għawdex.