“Begħna d-dar imma ħallietna b’xejn” – koppja

Koppja li kienu vittma ta’ każ ta’ frodi qalu fil-Qorti li l-akkużata kkonvinċiethom jinvestu €35,000 f’kumpanija tad-deterġenti, li warrbu wara li bigħu d-dar, investiment li kien wieħed falz. Madanakollu, l-mara nħelset fuq pleġġ sas-seduta li jmiss.
Il-koppja kienu fost 12-il persuna li l-mara ta’ 35 sena qed tiġi akkużata li ffrodat.
Hi kkonvinċiet lil dawn in-nies kollha jinvestu flushom fil-kumpanija, bit-total tal-flus jammontaw għal €100,000.
Wara li ftit tal-jiem ilu grupp ta’ vittmi xhedu quddiem il-Qorti, llum komplew jixhdu persuni oħra.
Il-koppja spjegat kif wara li nvestew il- €35,000, ikkonvinċew xi ħbieb tagħhom jinvestu fil-kumpanija, li tefgħu €10,000. Meta l-koppja ppruvaw javviċinaw lill-mara sabiex ittihom flushom lura permezz ta’ telefonata, huma baqgħu bla risposta.
Iċ-ċekkijiet li aktar tard il-mara tat lill-koppja ma ġewx aċċettati mill-bank, u għaldaqstant irnexxielhom jieħdu lura biss €3,500.
Mara Għawdxija qalet fil-Qorti li investitur ieħor li ngidem mill-akkużata, kien qalilha biex tinvesti hi ukoll u għaldaqstant iltaqgħet magħha u tatha aktar minn €5,000 fi flus kontanti u żewġ ċekkijiet ta’ €2,500.
Meta aktar tard l-Għawdxija ppruvat tikkuntattja lill-akkużata ma’ bdiet tirċievi l-ebda risposta, u nqatet kompletament il-komunikazzjoni.
Raġel Għawdxi ieħor qal li nvesta €20,000 iżda beda jsir aktar suspettuż fil-mara meta ġie ppreżentat b’dokument, iffirmat iffirmat u lest, mill-persuna li l-mara tgħid li hu sid il-kumpanija. Ir-raġel irnexxielu jieħu lura €13,000.
Fl-aħħar tas-seduta, il-mara nħelset fuq pleġġ b’depositu ta’ €5,000 filwaqt li hi obbligata li tiffirma l-ktieb tal-pleġġ tlett darbiet fil-ġimgħa.