Befriend – Żgħażagħ u anzjani jitkellmu b’mod virtwali

Proġett interġenerazzjonali tal-Azzjoni Kattolika

Read in English.

Membri żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika, iż-ŻAK, bdew proġett interġenerazzjonali li permezz tiegħu tkellmu b’mod virtwali ma’ membri anzjani tal-istess organizzazzjoni.

Oriġinarjament kellhom isiru laqgħat wiċċ imb wiċċ, iżda minħabba l-COVID-19 dawn saru b’mod virtwali. Dan serva ta’ tama għal numru ta’ anzjani li qed joqogħdu d-dar iktar minn qatt qabel, kif ukoll għaż-żgħażagħ biex ma jaqtgħux qalbhom minkejja li l-ħajja mgħaġġla u l-impenn tal-istudju, ix-xogħol u l-ħajja soċjali tagħhom ħafna drabi jieħdu prijorità fuq il-ħidma volontarja tagħhom.

Dan il-proġett iffinanzjat mill-iskema BeActive tal-Aġenzija Żgħażagħ ikkonsista f’numru ta’ laqgħat li matulhom dawn il-membri qasmu bejniethom l-esperjenzi tagħhom fi ħdan l-Azzjoni Kattolika. Għalkemm membri tal-istess organizzazzjoni, ftit li xejn ikollhom mumenti fejn b’mod informali jagħmlu dan.

L-għan huwa li permezz tal-istejjer u l-esperjenzi li għaddew minnhom, il-parteċipanti jkunu jistgħu jġeddu l-memorji u jagħrfu li minkejja d-differenza fl-età, hemm ħafna affarijiet li huma komuni u li jgħaqqadhom flimkien.

Partijiet minn dawn il-laqgħat se jixxandru iktar tard din is-sena sabiex jippromwovu d-djalodu interġenerazzjonali, kif ukoll bħala promozzjoni tal-għaqda u x-xogħol volontarju fi ħdan l-Azzjoni Kattolika.

Imwaqqfa 90 sena ilu, l-Azzjoni Kattolika, għal dan l-anniversarju għażlet it-tema “Mela Darba…” biex tgħin lill-membri tal-Azzjoni Kattolika jirriflettu fuq il-passat u l-istorja tal-għaqda, kif ukoll timmotivahom għall-ħidma preżenti u futura.

Esperjenzi tal-parteċipanti

Kirsty Cauchi, 16-il sena, ŻAK Ħal Tarxien: “Kienet esperjenza tal-ġenn għax permezz ta’ din l-attività vera ndunajt din l-għaqda kemm hi kbira, mhux fis-sens ta’ ammont ta’ nies, imma kemm għandha x’toffri. Permezz ta’ din il-laqgħa ltqajna ma’ nies ta’ etajiet differenti fejn dawn qasmu magħna xi esperjenza minn tagħhom li għalija kienu ta’ interess. Mhux biss qsamt l-esperjenza tiegħi biss imma tgħallimt minn tal-ohrajn. Tgħallimt li jiena bħala persuna fiż-ŻAK qatt m’għandi nieħu l-affarijiet tal-lum forgranted għax fil-passat kien hemm nies fejn ħadmu ħafna għal din l-għaqda biex tirnexxi u narawha kif inhi llum”.

Lorenza Debono, 74 sena, Azzjoni Kattolika Ħal Tarxien: “Minbarra li ħadt pjaċir nara u nisma’ lil sħabi l-antiki li tant ħdimna flimkien kelli ċ-ċans niltaqa’ maż-żgħażagħ. Tant ħadt pjaċir nismagħhom jitkellmu: mimlijin inizjattiva u determinazzjoni. Japprezzaw l-esprerjenzi li għaddew minnhom u li bnewhom. Żgur li dawn iż-żgħażagħ huma garanzija li fuqhom jinbena l-futur tal-Azzjoni Kattolika”.

Maria Zammit, 30 sena, ŻAK Siġġiewi:“Dan il-proġett laqqagħni ma’ sħabi membri taż-ŻAK kif ukoll ma’ membri anzjani fl-AKM. Rajt li f’dak li qsamna kien hemm ħafna esperjenzi u valuri komuni, grazzi għall-ħidma u s-sagrifiċji li saru fl-AK fil-passat. Laqtani dak li qal wieħed mill-anzjani, Guido, li rridu nieħdu ħsieb lill-għaqda u l-membri tagħha hekk kif hi tieħu ħsieb lilna fil-formazzjoni tagħna. Minn għandha ġejna, u fiha naħdmu għall-ġejjieni ta’ membri oħra”.

Carmen Francalanza, 59 sena, Azzjoni Kattolika Mosta: “Jiena għalija kienet esperjenza differenti ħafna mis-soltu. Forsi qatt ma għaddieli minn moħħi li nista’ nieħu sehem f’diskussjoni ta’ 8 min-nies hekk, onlajn, niltaqa’ magħhom virtwalment. Imma iva, kien possibbli, veru bi ftit intoppi, anke min-naħa tiegħi pero’ mxejna. Ħadt gost li kienet immexxija miż-żgħażagħ. L-entużjażmu tagħhom imlieni b’ħafna kuraġġ u tama li l-Azzjoni Kattolika se tibqa’ għaddejja. Naturalment b’mixja skont is-sinjali taż-żminijiet, li hi ħaġa pożittiva ħafna. It-togħma tal-esperjenza nisperaw li niżlitilhom għasel ukoll liż-żgħażagħ allavolja forsi aħna l-adulti għaż-żgħar nitqiesu xi ftit “ancient”. Però naħseb li l-erba’ żgħażagħ bravi, preżenti għal din il-laqgħa, dehru li apprezzaw l-input tagħna. Nirrigrazzjakom li tajtuni l-opportunità nieħu sehem f’dan il-proġett.

Maria Camilleri, 26 sena, ŻAK Birżebbuġa: “Nhar l-Erbgħa 10 ta’ Ġunju pparteċipajt f’sezzjoni tal-proġett Befriend. Kienet opporunità sabiħa fejn kelli ċ-ċans naqsam il-ħsibijiet u l-esperjenzi tiegħi fl-Azzjoni Kattolika ma’ nies ta’ etajiet differenti. Propju waqt din it-taħdita spikka l-punt li permezz tal-Azzjoni Kattolika għandna ċans naħdmu ma’ nies differenti, ta’ fehmiet differenti u etajiet differenti. Dan l-aspett lili jgħini nikber b’mod personali u jgħini nifhem aktar in-nies ta’ madwari. Għalkemm konna nies ta’ etajiet u esperjenzi differenti kulħadd qabel li l-Azzjoni Kattolika għenitu jkun aktar kunfidenti u bis-saħħa tagħha kapaċi naffaċċjaw l-affarijiet li niltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Indunajt u komplejt nifhem aktar kemm l-Azzjoni Kattolika tħalli impatt spiritwali fuqna u l-esperjenzi li għaddejna minnhom isaħħu aktar il-fidi tagħna. Impressjonajt ruħi li għalkemm uħud mill-parteċipanti kienu kbar fl-età xorta waħda għadhom imħeġġa u kburin li jagħmlu parti minn din l-organizzazzjoni. Din lili mmotivatni aktar biex inkompli nagħmel ħilti u nkun parti minn din l-għaqda. Fl-aħħar mill-aħħar grazzi għan-nies li ġew qabilna, in-nies li għadhom preżenti u anke dawk li għadhom ġejjin – din l-organizzazzjoni tibqa’ ħajja.”

Joe Rossi, 69 sena, Amministratur tal-gazzetta Il-Leħen u Segretarju tas-Segretarjat Assistenza Soċjali: “Kien ta’ pjaċir kbir għalija li nieħu sehem fil-proġett Befriend maż-ŻAK nhar l-Erbgħa filgħodu, l-10 ta’ Ġunju. Iltqajna b’mod virtwali għal siegħa sħiħa; membri ta’ ċerta età, jien wieħed minnhom, ma’ żgħażagħ attivi fiż- ŻAK. Qsamna l-esperjenżi tagħna. Ħassejtni ferħan nirrakkonta ż-żmien tiegħi ta’ żagħżugħ adolexxent u mbagħad ta’ età akbar fl-Azzjoni Kattolika. F’dak il-mument li kont qed nirrakkonta ċerti esperjenzi li għaddejt minnhom, ħassejtni qed nerġa’ ngħix dak l-avveniment li kont esperjenzajt imma wkoll bdew ġejjin quddiem għajnejja sħabi li kont qsamt magħhom tant mumenti sbieħ. Ftakart f’tant leaders aktar anzjani minni li kienu ġenerużi fil-ħidma tagħhom fl-AKM u li minnhom tant tgħallimt. Fl-istess waqt ħadt ferm pjaċir nisma’, waqt din il-laqgħa online, liż-żgħażagħ li ħadu sehem, jesprimu ruħhom b’tant maturità, u ħerqana li jibqgħu attivi fiż-ŻAK u miftuħa biex jitgħallmu skills ġodda u jduqu esperjenzi formattivi għall-karattru u l-personalità tagħhom”.

AnnMarie Bonnici, 32 sena, ŻAK Birżebbuġa: “Kelli l-opportunità li nipparteċipa f’laqgħa onlajn, parti mill-proġett Befriend. Grazzi għal din l-opportunità, kellna ċ-ċans li aħna ż-żgħażagħ naqsmu l-esperjenzi tagħna ma’ nies ikbar minna fl-età u biex nisimgħu ukoll minn xiex għaddew membri ta’ qabilna fl-Azzjoni Kattolika. Din il-laqgħa tatna l-ispazju biex insaqsu u niskopru l-għeruq tal-Azzjoni Kattolika. Skoprejna kemm offriet opportunitajiet u kemm kienet taf tadatta maż-żminijiet biex tgħin lis-soċjetà inġenerali. Ngħid għalija ħadt gost nisma’ li fi żmien meta jien kont għadni anqas twelidt, kien ġa qed ikun hemm diversi opportunitajiet biex tlaqqa’ l-pajjiżi u l-kulturi differenti, li illum grazzi għal dik il-ħidma, li kompliet tiżviluppa, qed ikollna iktar kuntatt ma’ għaqdiet oħra kemm fl-Ewropa kif ukoll f’kontinenti oħra. Nista’ ngħid li l-persuni kollha prezenti f’dan il-meeting virtwali, kollha qbilna li l-Azzjoni Kattolika hija parti importanti minn ħajjitna fejn rawmitna biex inkunu żgħażagħ u adulti b’valuri sodi, biex insiru nisa u irġiel attivi fil-komunità, kif rajna ukoll permezz ta’ dan il-proġett. Tajjeb li dawn l-esperjenzi jibqgħu jiġu ‘shared’ biex b’hekk dawn ir-rakkonti u l-memorja tan-nies ma tintilifx maż-żmien”.

Antoine Vassallo, President Djoċesan, 69 sena, Azzjoni Kattolika f’Għawdex: “Dan il-proġett Befriend offrieli esperjenza innovattiva għax stajt nagħmel ftit ħin naqsam ideat ma’ membri żgħażagħ u anzjani. Tal-ewwel kienu persuni li jidhirli ma kont naf lil ħadd minnhom: impressjonawni fl-entużjażmu tagħhom. Jidhirli li l-Azzjoni Kattolika għandha sehem strateġiku f’ħajjithom. L-oħrajn xi ftit jew wisq kont naf bihom ilkoll, iżda – anki peress li rari nipparteċipa f’laqgħat Malta – ftit li xejn kien kelli okkażjoni li nieqaf nitkellem magħhom. Laqatni l-punt li jħarsu lura b’ħarsa pożittiva, kemm lejn mexxejja u membri “tal-passat” li kienu essenzjali biex huma saru membri, u kemm lejn is-snin ta’ ħidma f’diversi karigi u setturi. Innutajt li, b’mod ġenerali, dawk preżenti – minkejja li ngħixu f’pajjiż żgħir u allura tistenna li joffri realtajiet xi ftit jew wisq simili – enfasizzaw punti varjati ġmielhom”.

Erika Pace, 20 sena, ŻAK Iklin: “Il-proġett ‘Befriend’ tani esperjenza unika. Minkejja li kont naf li l-għaqda li ninsab membru fiha hija parti minn għaqda ikbar, xorta waħda qatt ma kelli l-opportunità li jkolli konverżazzjoni mal-membri l-anzjani tal-AKM. Ħassejtni grata li aħna ż-żgħażagħ stajna nsiru nafu waħda mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna u nisimgħu dak li kellhom xi jgħidu. Kienet xi ħaġa sabiħa li stajt nisma’ l-esperjenzi tagħhom ta’ meta kienu iżgħar kif ukoll narahom jitbissmu waqt li qed jirrakontaw. Qalulna li kieku huma ma kinux parti mill-Azzjoni Kattolika f’Malta, il-prinċipji u l-valuri li mxew fuqhom matul ħajjithom u li għadhom jimxu fuqhom s’issa ma kinux ikunu l-istess. Apparti minn hekk, stajt nagħraf ukoll kemm dawk ta’ tampari esperjenzaw affarijiet simili bħali fiż-ŻAK u li kollha kemm aħna sibna xi ħaġa li kabbritna bħala persuni u li għenitna fil-ħajja personali tagħna. Lejn l-aħħar, il-membri tal-AKM bdew jisħqu kemm aħna għandna r-responsabbilità li nkomplu l-ħidma tagħhom u li m’għandniex naqtgħu qalbna biex nibqgħu naħdmu għal dak li jista’ jtejjeb lis-socjetà. Aħna wkoll irringrazzjajniehom tal-ħidma u l-entużjażmu tagħhom. Wara kollox, huma kienu li wettqu dak li qed ingawdu minnu u li qed intejbu aħna llum il-ġurnata”.

Rachel Paris, 18-il sena, ŻAK Birżebbuġa: “Nista’ ngħid li żidt esperjenza oħra fiż-ŻAK. F’dan il-proġett, Befriend, kelli ċ-ċans nitkellem fuq l-esperjenza tiegħi fiż-ŻAK. Barra minn hekk, ħadt pjaċir nisma’ lil żgħażagħ ta’ etajiet differenti, ilkoll bl-avventuri sbieħ tagħhom, kif ukoll l-istejjer ta’ anzjani li ilhom ammont ta’ snin fl-AK li ħadmu qatigħ biex ikabbru din l-istess għaqda u b’hekk jilħqu iktar nies. Bis-saħħa ta’ din l-esperjenza għaraft iktar x’tista’ toffri l-AK għall-ġid kemm tal-membri u anke tal-komunità. Mid-diskussjoni tgħallimt li qatt m’għandi naqta’ qalbi meta nipprova xi ħaġa ġdida, speċjalment fl-AK, għax nista’ nikber jien u nkun ta’ għajnuna għall-proxxmu”.