Bedingfield jifraħ lil Metsola iżda jgħaddilha botta

Miguela Xuereb

Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield feraħ lill-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola wara li l-Ħamis li għadda ġiet eletta bħala l-Ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew. Madanakollu, l-eks MEP Laburista għadda wkoll botta billi awgura li Metsola tuża din il-kariga prestiġġjuża għall-ġid ta’ Malta.

Fil-bidu tas-seduta, il-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar talab il-kelma lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex jifraħ lil Metsola għall-ħatra tagħha. L-ispeaker ingħaqad miegħu fl-awgurju.

Dawn l-awguri waslu ftit tas-sigħat wara li l-Prim Ministru Robert Abela, saħaq li waqt li hu jifraħ b’kull suċċess li jikseb kull ċittadin Malti, insista li fil-każ ta’ Metsola, kellu riserva waħda dik li hu sejjaħ ‘assedju’ li fi kliemu l-MEP Nazzjonalista għamlet kontra l-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment.

Il-Prim Ministru kien mistoqsi għalfejn baqa’ ma feraħx lil Metsola għall-ħatra prestiġġjuża fil-Parlament Ewropew.