​Bedingfield jattakka lil Daphne 6 xhur wara li qatluha

Il-Membru Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield ġie mistoqsi għadd ta' mistoqsijiet mill-ġurnal The Guardian li fit-tweġibiet tiegħu għalihom kien kritiku tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Fil-fehma ta’ Bedingfield, il-mistoqsijet ta' The Guardian saru biex jagħmlu ħsara kontrih u kontra l-Gvern. Qal li ma jaċċettax li Caruana Galizia kienet ġurnalista investigattiva maħbuba, mingħajr aġenda politika.
Skont il-MP, il-ġurnalista assassinata ma kinitx qed tiġi ppersegwitata imma kienet hi li tippersegwita n-nies.
Dawn huma wħud mill-mistoqsijiet li saru minn The Guardian u t-tweġibiet ta’ Bedingflield:
The Guardian: Inti ppubblikajt mijiet ta’ artikli dwar Caruana Galizia fl-ispazju ta’ ftit snin
Bedingfield: Hi ppubblikat eluf ta’ artikli fil-karriera anti-Labour tagħha f’perjodu ta’ 30 sena. Hi qatt ma kitbet dwar kif ma kinitx tħallas taxxi u dwar in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Gvern preċedenti fil-konfront ta’ dan
The Guardian:  Kont tinkoraġġixxi lill-qarrejja tiegħek biex jieħdu ritratti ta’ Caruana Galizia meta kienet tkun qed tixtri jew tieħu xi kafè
Bedingfield: Hi kienet tinkoraġġixxi lill-qarrejja tagħha biex jibgħatulha ritratti ta’ nies li jappoġġjaw lill-Partit Laburista u tat-tfal tagħhom. Ikkuppjajt it-tattika tagħha biex jagħmel lilha dak li hi kienet tagħmel lil ħaddieħor
The Guardian:  Ħafna mill-artikli tiegħek ittelgħu waqt il-ħin tax-xogħol
Bedingfield: Naħdem il-ħin kollu. M’għandix sigħat fissi.
The Guardian: Il-familja ta’ Caruana Galizia tallega li min ordna l-qtil tal-ġurnalista qed jiġi protett u li qed issir pressjoni fuq il-Pulizija biex ma tinvestigax il-każ
Bedingfield: L-investigazzjoni għadha għadejja imma tliet persuni diġà tressqu l-qorti. Il-Pulizija talbet l-għajnuna ta’ aġenziji barranin. Hemm ukoll premju ta’ €1 miljun għal min jersaq għand il-Pulizija b’informazzjoni. Taħsbu li dan jiġi kklassifikat bħala protezzjoni għal min ordna l-qtil?
Fi tweġibiet oħra li ta, Bedingfield qal li m’hemmx deterjorazzjoni ġenerali tal-libertà tal-midja jew deterjorazzjoni tar-rispett lejn il-liġijiet f’Malta.
Il-blog post ta' Bedingfield tela' qabel ma' ġie ppubblikat xi artiklu ta' The Guardian ibbażat fuq ir-risposti li rċieva mingħand l-MP.
Fil-blogg tagħha, Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li xogħol Glenn Bedingfield fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien li jagħti fastidju lil dawk kollha li jikkritikaw jew jopponu lill-Gvern.