Bedingfield iddispjaċut u muġugħ

Fid-diskors tiegħu fil-Parlament dwar il-liġi fuq il-midja u l-malafama, il-Membru Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield qal li għandu dispjaċir u wġigħ.
Id-dispjaċir ta’ Bedingfield huwa li l-fiduċja fil-midja “qiegħda dejjem tonqos”. L-uġigħ tiegħu huwa li skontu l-midja tal-Knisja mhix qed ixxerred il-kelma ta’ Alla.
Dwar l-ewwel dispjaċir Bedingfield fakkar li huwa ġurnalista. Żied jgħid li allura jiddispjaċih li minn stħarriġ li jsir minn żmien għal żmien qed jidher li n-nies qed ikollhom aktar fiduċja fil-Gvern milli fil-midja.
Attribwixxa dan għall-midja indipendenti, meta qal li “t-tort huwa tal-midja nnifisha“.
Huwa mbagħad qal li jħoss uġigħ għax il-midja tal-Knisja minflok “ixxerred il-kelma ta’ Alla, ixxerred il-kelma ta’ partit partikolari u li tintuża min-nies fil-Kurja biex ixerrdu, żgur mhux il-kelma tal-Partit Laburista imma l-kelma tal-interessi tagħhom.”
Huwa ssuġġerixxa xi stejjer għandha tippublika l-midja tal-Knisja. Sostna li jixtieq li fuq il-midja tal-Knisja jara stejjer dwar il-kollaborazzjoni tal-Gvern mal-Knisja, minflok stejjer, li Bedingfield qal, li qed “iserrħu fuq il-gideb”.
Skont Bedingfield, ħafna mill-istejjer ewlenin fil-midja mhux qed ikunu bbażati fuq il-verità u għalhekk sostna li l-midja qed titlef il-kredibiltà.
Bedingfield ikkwota lill-Arċisqof, li fil-festa ta' Kristu Sultan, qal li dawk li m'għandhomx il-valuri tal-verità qegħdin fil-gideb.
F’Lulju li għadda l-membru Parlamentari Laburista u ġurnalista Glenn Bedingfield weħel €3,000 għax ma qalx il-verità dwar l-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech. Il-Prim Ministru Joseph Muscat u Dr Stefan Zrinzo Azzopardi weħlu €1,000 minħabba l-istess każ.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale fil-konfront ta’ Bedingfield, il-Prim Ministru u Zrinzo Azzopardi qalet li hija ħasra li hawn politiċi li jagħtu importanza lil ċerti nies li jkunu jridu jħammġu r-reputazzjoni ta’ persuni oħra.
“Is-soċjetà u d-demokrazija tagħna” qalet il-Qorti “ikunu telliefa meta minħabba f’hekk tintilef il-fiduċja fil-politiċi.”