​Beda xi xogħol fuq l-art mikrija mill-Agostinjani

Minn ritratti ppubblikati fuq Facebook jidher li beda xi xogħol fuq l-art f’Paceville, li l-Agostinjani krew lill-kumpanija Bay Street Holdings.
Fuq din l-art, li bħalissa kienet qed tintuża bħala post fejn jipparkjaw il-karrozzi, issa hemm ippjanat bini ta’ 12-il sular li jservi bħala estensjoni tal-kumpless ta’ Bay Street.
Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt ikkonfermaw li sar kważi t-tħaffir kollu li kellu jsir.
L-aħbar ta’ din il-kirja ħarġet fil-midja aktar kmieni din il-ġimgħa u magħha ġabet reazzjonijiet negattivi minn diversi li kitbu fuq il-midja soċjali, l-aktar Facebook.
L-Arċisqof ma kienx infurmat dwar il-kirja mill-Patrijiet Agostinjani li bħala ordni reliġjuż jamministraw lilhom infushom b’mod indipendenti mill-Arċisqof. Iżda meta kien mgħarraf l-Arċisqof talab lill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent biex teżamina dak li kien sar u biex tagħmillu rapport bil-konklużjonijiet tagħha.
Kevin Papagiorcopulo, kelliem għall-Arċisqof, qal li l-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja se twassal il-konklużjonijiet tagħha  “b’mod ċar, analitiku u bla tlaqlieq skont il-prinċipji li dejjem ħaddmet b’rispett lejn il-ħarsien tal-ġid komuni.”
Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li qabel ikun hemm trasferiment ta’ propjetá minn xi organizzazzjoni tal-Knisja, inkluż xi ordni reliġjuż ikun irid jinġieb il-permess ta’ kumitat maħtur mis-Santa Sede. L-istess sorsi qalu li iżda f’dan il-każ dan il-permess x’aktarx li ma kienx meħtieġ peress li minflok bejgħ kien hemm kiri.
Ħafna fuq il-midja soċjali pprotestaw kontra dan l-iżvilupp "għax se jkun ta’ dannu għar-residenti tal-lokal". Oħrajn qalu li ġaladarba l-Knisja f’Malta kemm-il darba kkritikat żvilupp ta’ torrijiet allura issa m'għandhiex tkun organizzazzjoni tal-Knisja li tagħmel l-istess.

Newsbook.com.mt aktar kmieni llum bagħat għadd ta’ mistoqsijiet lill-provinċjal tal-Agostinjani, Patri  Leslie Gatt biex ikun jista’ jispjega l-pożizzjoni tal-ordni Agostinjan dwar dan il-ftehim. Il-Provinċjal wiegħed li jagħtina tweġiba possibbilment illum.