Beda x-xogħol f’16-il triq rurali f’Għawdex

Ritratt - MESDC/Darren Cassar

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja ħabbar li beda xogħol ta’ titjib fuq 16-il triq rurali f’Għawdex bħala parti miż-żewġ miżuri li tħabbru ftit xhur ilu biex jinbnew it-toroq rurali u biex jittranġaw il-ħitan tas-sejjieħ.

Fi stqarrija s-Segretarjat spjega kif f’Għawdex permezz ta’ fondi tal-Gvern Malti u tal-Unjoni Ewropea (UE) se jsiru xogħlijiet f’Ta’ Sannat, fin-Nadur, fix-Xagħra, fil-Kerċem , fl-Għarb, u fiż-Żebbuġ.

Fi tliet toroq fin-Nadur, skont l-istqarrija, se  jintefqu €600.000 u tlestiet l-ewwel waħda – Triq Wied Binġemma.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja Clint Camilleri qal li b’dan it-titjib fit-toroq il-bdiewa se jkollhom aċċess aħjar u b’hekk se jkunu jistgħu jżidu fl-effiċjenza tal-operat tagħhom.