Beda l-ġuri tal-eksmexxejja tal-Bank tal-Vatikan

Din il-ġimgħa beda għaddej ġuri l-eks-President tal-Bank tal-Vatikan, l-Avukat Angelo Caloia li għandu 79 sena, flimkien mal-konsulent legali tal-Bank, Gabriele Liuzzo, li għandu 95 sena u li flimkien huma akkużati li bejn l-2001 u l-2008, minn bejgħ ta’ proprjeta tal-Vatikan, daħħlu fil-but €57 miljun.
Persuna oħra li oriġinarjament kienet akkużata magħhom, id-Direttur Ġenerali tal-Bank, Lelio Scaletti, leħaq miet sakemm beda l-ġuri.
Iż-żewġ akkużati ċaħdu ripetutament l-akkużi miġjuba kontrihom u hekk reġgħu għamlu fil-bidu tal-ġuri.
Għall-ewwel seduta li qed issir fil-Qorti  tal-Belt tal-Vatikan, li għandha s-sistema legali tagħha, Caloia kien preżenti iżda Luzzo, minħabba l-età tiegħu ma kienx preżenti għas-seduta.
Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Associated Press, waqt is-seduta, li damet sejra madwar erba’ sigħat, il-prosekutur allega li l-proprjetà tal-Vatikan inbiegħet bi prezzijiet orħos minn tas-suq lil diversi kumpaniji ‘offshore’ u mbagħad reġgħet inbiegħet bi prezzijiet tas-suq, u l-akkużati daħħlu fi bwiethom id-differenza bejn iż-żewġ prezzijiet.
Il-Bank tal-Vatikan, li l-isem uffiċjali tiegħu hu Istituto Opere Religiose (IOR), qed jitlob id-danni mingħand iż-żewġ akkużati.
Caloia, qabel tneħħa, kien ilu President tal-Bank mill-1999 sal-2009.
L-awtoritajiet tal-Vatikan diġà rnexxielhom jiffriżaw miljuni ta’ dollari miżmuma f’kontijiet bankarji mit-tliet persuni involuti, wara li kien tħabbar, fl-2014, li kienu se jibdew investigazzjonijiet kriminali.
Oriġinarjament id-difiża ta’ Caloia kienet se sejjaħ bħala xhieda aktar minn 50 persuna, inkluż tliet kardinali li okkupaw il-kariga ta’ Segretarju tal-Istat tal-Vatikan u numru ta’ kardinali oħra li fl-imgħoddi kellhom x’jaqsmu mal-Bank.
Iżda issa aktarx li din il-lista ġiet imnaqqsa, għalkemm l-ismijiet tal-Kardinal Angelo Sodano u dak tal-Kardinal Tarcisio Bertone, li t-tnejn kienu jmexxu l-Kummissjoni nkarigata biex tissorvelja l-ħidma tal-Bank meta kienu Segretarji tal-istat tal-Vatikan, baqgħu fil-lista tax-xhieda.