Beda b’każ ta’ aggressjoni u kompla b’akkużi ta’ traffikar

Fil-Qorti beda jinstema’ l-każ ta’ żewġt irġiel li tressqu l-Qorti fuq akkużi ta’ droga u li kkaġunaw feriti gravi. Il-Ħadd li għadda Albaniż ta’ 32 sena mar l-għassa ta’ San Ġiljan jagħmel rapport li ġie aggredit.

Wara l-investigazzjoni li saret mill-Pulizija, l-Erbgħa li għadda saru l-arresti ta’ żewġ Serbi, wieħed residenti l-Mellieħa u ieħor residenti l-Imsida. Wara li ġew arrestati saret tfittxija fuqhom u fir-residenza, rriżulta li fil-pussess tagħhom kellhom sustanzi bħall-kannabis grass, kokaina, ecstasy kif ukoll ponn tal-ħadid.

Iż-żewġ Serbi ġew akkużati li ferew gravi lill-Albaniż, li kisru l-paċi pubblika u li ħadmu bħala uffiċjali tas-sigurtà mingħajr permess. B’mod separat huma ġew akkużati li wieħed kellu fuqu ponn tal-ħadid u l-ieħor li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kannabis u kokaina li jidher li ma kinux għall-użu personali tal-akkużat. Huwa kien mixli wkoll li dan seħħ f’mitt metru bogħod minn skola jew post fejn fih jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

L-avukat tad-difiża ta’ dak li qed jiġi akkużat li kellu ponn tal-ħadid qal li dan il-każ imur oltre minn każ ta’ akkuża normali, ta’ feriti gravi. Huwa qal li jinsab infurmai li f’Malta hawn grupp ta’ Albaniżi li joqogħdu jiġru fit-toroq u jipprovokaw lis-Serbi. Semma li din hija realtà li qed tiġri f’Malta u qed jaffaċjawha wkoll il-pulizija ta’ San Ġiljan. L-avukat tal-akkużat saħaq li ma kienx hemm għaġla biex dawn il-persuni jiġu arrestati. L-avukat talab il-ħelsien mill-arrest tal-klijent tiegħu.

Min-naħa l-oħra l-avukat tal-għajnuna legali li qed jidher f’isem il-persuna li allegatament kellu fil-pussess tiegħu d-droga qal li l-klijent tiegħu ta stqarrija dettaljata lill-pulizija u talab ukoll għall-ħelsien mill-arrest u saħaq li, li kieku riedu jbabsu l-evidenza kellhom il-ħin kollu biex jagħmlu dan.

Min-naħa tagħha l-Qorti qalet li se tagħti l-ħelsien mill-arrest il-persuna li kellu fuqu l-ponn tal-ħadid iżda ċaħdet il-ħelsien mill-arrest lill-persuna l-oħra li allegatament kellha fuqha jew fir-residenza tagħha d-droga bi skop għal-traffikar. Il-persuna li ngħatat ħelsien mill-arrest ġie ordnat biex jiffirma darbtejn fil-ġimgħa kif ukoll depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000.

Waqt it-tfittxija fil-post tal-persuna li allegatament kellu d-droga, ġie arrestat ukoll persuna mill-Maċedonja li wasal fuq il-post fil-ħin li l-pulizija kienu fuq il-post. Meta saret tfittxija fuqu l-pulizija sabet sustanzi tal-kannabis grass, kannabis resin, kokaina u ecstasy. Hu ġie arrestat ukoll u ġie mixli bi traffikar u ftehim biex jittraffika l-kannabis u l-kokaina kif ukoll b’pussess sempliċi ta’ ecstasy u li kien f’mitt metru viċin skola jew post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ. Huwa wieġeb li mhux ħati ta’ dawn l-akkużi. L-avukat ma talabx għall-ħelsien mill-arrest bil-Qorti friżat l-assi tal-akkużat u jista’ juża biss €13,000 fis-sena biex ikun jista’ jgħix.