Becky issa fuq YouTube

Eileen Monetsin Becky
2002: Eileen Montesin bħala Becky

Hekk kif ħafna huma dawk li qed josservaw id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u qed jibqgħu d-dar, ħafna huma dawk li qed joħolqu bosta inizjattivi biex jagħtu l-kontribut tagħhom u bil-mod tagħhom iżommu kumpanija lil dawk li jagħżlu li jibqgħu id-dar.

Fost dawn insibu lil Eileen Montesin li mill-bieraħ nediet iċ-channel uffiċjali tagħha fuq YouTube. Montestin, bħal ħafna oħrajn, f’dawn iż-żminijiet waqqfet milli tkompli tippreżenta l-programmi tagħha biex b’hekk issegwi d-direttivi li ngħataw u minflok fil-ħin tal-programm Family Affair fuq l-istazzjon Net qed jitwasslu puntati minn sensiliet antiki tagħha.

Issa mill-bieraħ dawk kollha li jixtiequ jsegwu dawn l-episodji antiki ta’ drama jistgħu jagħmlu dan billi jidħlu f’dan il-link.

Sa issa fuq iċ-channel EMH hemm għadd ta’puntati mill-ewwel staġun ta’ Dejjem Tiegħek Becky li nħadmu bejn l-2003 u l-2004 u li jinkludi s-sehem ta’ bosta atturi magħrufa bħal Josephine Zammit Cordina, Godwin Scerri, Marc Cabourdin, Inez Farrugia, Lino Mintoff, Tessie Fedele, Chris Dingli, Pia Zammit, Andre Penza, Christine Haber u l-mibki Mario Ellul.

Fuq l-istess channel tal-YouTube bdew ukoll jitilgħu l-episodji ta’ It’s Morris b’Mark Haber fil-parti ewlenija taz-ziju Morris.