Beckham jiżvela kif jidher il-grawnd il-ġdid tal-klabb tiegħu

David Beckham wera lill-ammiraturi tiegħu kif jidher il-grawnd ta’ Inter Miami – PINK stadium. Il-leġġenda Ingliż li għandu 44 sena, ammetta li l-ħolma tiegħu qed issir realtà, hekk kif it-tim tiegħu se jkunu qed jiddebuttaw fl-MLS fi żmien 40 jum.

L-ammiraturi tħassbu ħażin meta x-xahar li għadda ġew ippublikati ritratti fejn deher li l-post kien għadu jidher qisu sit ta’ kostruzzjoni u mhux grawnd. Iżda Beckham issa wera bil-provi li l-proġett ta’ aktar minn €50 miljun riesaq qrib biex jitlesta.

L-eks stilla ta’ Manchester United – li għamel ħames snin jilgħab fl-MLS ma’ LA Galaxy sal-2012, ippoża għal stessu mill-istands u fl-isfond tar-ritratt jidher il-grawnd.

Beckham iddeċieda li l-kuluri prinċipali tal-grawnd ikunu jaqblu mall-kuluri tal-klabb, iġifieri roża, abjad u iswed.