Beatifikazzjoni ta’ erba’ martri moderni mill-Arġentina

L-Isqof Angelelli li flimkien ma' tliet persuni oħra mill-Arġentina kienu dikjarati Beati s-Sibt li għadda.

Nhar is-Sibt li għadda, l-Kardinal Angelo Becciu, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin, mexxa ċelebrazzjoni li fiha kienu Beatifikati l-Isqof Enrique Angelilli, Fr. Carlos Maurisa, Fr Gabriel Longueville u l-katekista lajk Wenceslao Pedernera, li lkoll inqatlu fl-1976 meta l-Arġentina kienet għaddejja minn dik imsejħa “il-gwerra maħmuġa”.

L-ewwel li kien sejjaħ lil dawn l-erba’ persuna “martri” kien l-ex Arċisqof ta’ Buenos Aires, Mons Jorge Bergoglio ( llum Papa Franġisku) waqt quddiesa ta’ tifkira għalihom li kienet saret fil-Katidral ta’ Rioja. “L-Isqof Angelilli xerred demmu biex ixandar il-Vanġelu” kien qal fl-omelija tiegħu l-Arċisqof Bergoglio. “Id-demm tal-martri hu ż-żerriegħa tal-Knisja” żied jgħid.

X’inhu l-martirju?

Fil-quddiesa tas-Sibt li għadda l-Kardinal Becciu tkellem dwar it-tifsira tal-martirju. Ix-xiehda li taw dawn l-erba’ persuni tkisser l-idea li wieħed għandu jkun egoist jew li nistgħu nibnu soċjetà magħluqa bla valuri morali u spiritwali. Il-martri jeżortawna biex inwasslu l-paċi u nkunu aġenti tal-ġustizzja u nagħtu xhieda ta’ solidarjetà.

L-Isqof Enrique Angelelli twieled minn emigranti Taljani. Il-ħidma pastorali tiegħu f’Cordoba u f’La Rioja dejjem kienet konċentrata fuq il-foqra u dawk li jħossuhom oppressi. Dan kien f’nofs is-snin 70 meta bdiet dik li baqgħet  magħrufa bħala l-“gwerra maħmuġa” meta skwadri tal-mewt tal-lemin estrem, qatlu u ttorturaw lil dawk li kienu meqjusa bħala theddida politika jew ideoloġika. Aktar minn 30,000 persuna sparixxew f’dawk is-snin, fosthom studenti, ġurnalisti, artisti, xi saċerdoti u numru ta’ trejdunjonisti.

Il-Franġiskan Konventwali Patri Carlos de Dios Murias u l-missjunarju Franċiż Fr Gabriel Longueville kienu jaħdmu fl-istess parroċċa u mpenjati fi kwestjonijiet ta’ ġustizzja soċjali.  F’Lulju 1976 it-tnejn kienu torturati għall-mewt u ġisimhom instab imbiċċer. Ġimgħa wara, il-katekista Wenceslao Pedernera spiċċa maqtul b’tir ta’ arma quddiem għajnejn martu u t-tliet uliedu bniet.

Mudelli ta’ ħajja nisranija

Wara dawn id-delitti, l-Isqof Angelelli fehem li anke hu kien fuq il-lista ta’ dawk li kellhom jinqatlu u spiss kien jgħid: “Issa jmiss lili”. Fil-fatt, fl-4 ta’ Awwissu 1976, kien qed jirritorna lejn id-dar wara li ċċelebra quddiesa għaż-żewġ saċerdoti maqtula, meta t-trakk li kien qed jivjaġġja fih inqaleb u hu miet fil-ġemb tat-triq.  Qorti fl-Arġentina sabet li l-qtil tiegħu kien att premeditat minn terroristi sponsorjati mill-Istat.

Fl-omelija tal-Quddiesa tal-Beatifikazzjoni, il-Kardinal Becciu qal li dawn l-erba’ persuni nqatlu “minħabba l-isforzi tagħhom biex issir ġustizzja nisranija”. Meta nqatlu, l-awtoritajiet ċivili kienu qed jagħmlu ħilithom fixklu kemm felħu t-twettieq tal-ġustizzja soċjali u l-promozzjoni tad-dinjità tal-persuna umana”.

Il-Kardinal Becciu ddeskirva lil dawn l-erba’ Beati bħala “mudell ta’ ħajja nisranija”. Hu qal li l-eżempju tal-Isqof Angelelli “jgħallem lis-saċerdoti tal-lum biex jeżerċitaw il-ministeru tagħhom b’karita waqt li jibqgħu sħaħ fil-fidi”. L-eżempju taż-żewġ saċerdoti jitlob lis-saċerdoti tal-lum biex ma jagħmlux kompromessi u jibqgħu fidili dejjem. Il-missier tal-familja, jgħallem lil-lajċi kif jiddistingwu ruħhom billi juru l-fidi tagħhom b’mod trasparenti u jħallu lilhom infushom ikunu mmexxija mill-fidi tagħhom.