Bdoti tal-Air Malta jagħtu parti mill-paga lil dawk li tkeċċew – ALPA

Aġġornat 06:56 PM
Miguela Xuereb

Il-bdoti li għadhom impjegati mal-Air Malta qed jagħtu parti mill-paga tagħhom lil familji tal-bdoti li tkeċċew fil-ġimgħat li għaddew wara li l-linja tal-ajru qalet li ma kienx possibbli li tibqa’ tħaddimhom kollha.

Dan intqal waqt il-Laqgħa Ġenerali Straordinarja tal-Assoċjazzjoni tal-Bdoti li magħha huma msieħba l-impjegati tal-Air Malta. Kien spjegat ukoll li l-ALPA qed tipprovdi assistenza finanzjarja biex tassigura li l-membri tagħha jirċievu d-dħul neċessarju biex ikunu jistgħu jgħixu.

Il-laqgħa ssejħet sabiex ikun diskuss l-impatt li l-pademija tal-coronavirus kellha fuq l-impjieg tagħhom mal-Air Malta. Aktar minn nofs il-membri tal-assoċjazzjoni tkeċċew fit-8 ta’ Ġunju tal-2020 u s’issa għadhom bla impjieg. Kien spjegat li ħafna minn dawn il-bdoti kienu ilhom iservu l-kumpanija  għall-aħħar 20 sena. L-ALPA reġgħet sostniet li l-management tal-Air Malta għadu qed jirrifjuta li jidħol f’konsultazzjoni effettiva biex tirrisolvi l-kwistjoni li qed jaffaċċjaw id-69 bdot u l-familji tagħhom.

Intant, l-ALPA nnutat kif l-Air Malta falliet milli tipprovdi ġustifikazzjoni tal-falliment tagħha biex tieħu l-miżuri neċessarji biex il-membri tagħha jirċievu l-wage supplement li kien jassigura li huma kollha jibqgħu impjegati. ALPA talbet biex il-kumpanija tidħol f’diskussjonijiet sabiex tassigura li tinstab soluzzjoni fit-tul.

Kieku l-membri tal-ALPA wrew iktar responsabiltà kieku qegħdin aħjar – Il-Ministru Schembri

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-żgħar, Silvio Schembri f’post fuq Facebook fakkar li l-kumpanija Air Malta offriet dak kollu li setgħet biex ħadd mill-piloti ma jitlef xogħlu. Żied li, li kieku ntweriet aktar responsabilità l-membri tal-ALPA kienu jkunu f’qagħda aħjar.

Il-Ministru Schembri qal li membri ta’ unjins oħra ma soffrewx mill-inċertezzi dwar l-impjiegi tagħhom minħabba li kkoperaw mal-kumpanija fiċ-ċirkostanzi diffiċli li għaddiet minnhom il-kumpanija. Il-Ministru wiegħed se jibqa’ għaddej ix-xogħol biex l-Air Malta tirpilja u jiżdidilha x-xogħol u jinħolqu aktar impjiegi.