Bdot tal-Air France li ċċajta dwar ir-Re se jispiċċa l-qorti

Grupp ta’ passiġġiera Marokkini se jieħdu passi legali kontra l-Air France wara li l-bdot qal li d-dewmien fit-titjijra minn Casablanca kienet tort tar-Re tal-Marokk.

Il-bdot żgur li jiddispjaċih talli biex jiċċajta qal li kienet il-preżenza tal-jet privat tar-Re fir-runway li wasslet għad-dewmien tat-titjijra.

Il-bdot qal li r-Re żgur li kien għadu ma xebax jirrilassa fis-sala VIP tal-ajruport. Kompla billi qal li dawk il-passiġġiera li xtaqu jilmentaw kellhom jiktbu lir-Re Mohammed, fil-Palazz Rjali, ir-Rabat.

Iċ-ċajta tal-bdot kompliet tiggrava meta reġa qalha bl-Ingliż, sabiex żgur jifhem kulħadd.

Il-kap eżekuttiv tal-Air France kiteb ittra lill-passiġġiera jiskuża ruħu u jispjega li l-bdot se jiġi kastigat. Minkejja dan, il-passiġġiera talbu għar-rekordings tal-cockpit sabiex iressqu evidenza l-Qorti.