Bdot Russu jingħata merbħa ta’ eroj

Bdot Russu li rnexxielu jniżżel ajruplan f’għalqa tal-qamħirrun mingħajr ħadd mill-233 persuna abbord ma weġġa’ serjament, ingħata merbħa ta’ eroj lura f’pajjiżu.

L-A321 kien ilu biss minuti fl-ajru wara li telaq minn arjuport f’Moska u ltaqa’ ma’ qatgħa gawwi li daħal fil-magni tal-arjuplan.

Ir-Russi qed iqabblu dan il-każ mal-famuż ‘miraklu ta’ Hudson’ fejn qtajja’ ta’ għasafar fi New York fl-2009, wasslu biex l-Airbus jitniżżel fix-xmara Hudson.

It-titjira kienet waħda regolari minn Moska għall-Krimea fejn 226 persuna abbord kienu fil-maġġoranza tagħhom sejrin btala fejn il-baħar.

Il-Kaptan Damir Jusupov qal li kien impossibbli għalih li jdur lura lejn l-ajruport meta t-tieni magna ntfiet u ma kellux triq oħra ħlief jinżel f’għalqa.