Bdot Libjan jgħid li għadu ħaj grazzi għall-Maltin

Wieħed miż-żewġ bdoti Libjani li sabu refuġju f’Malta waqt it-taqlib politiku fil-Libja reġa’ żar Malta flimkien ma’ ibnu.

Waqt laqgħa bejn il-bdot Ali Faraj Al Rabty u l-Prim Ministru Lawrence Gonzi, il-Libjan irringrazzja lil Malta u lill-poplu Malti.

Qal li kien grazzi għal dan il-pajjiż li għadu ħaj. Spjega kif bosta persuni Libjani spiċċaw f’pajjiżi oħra fid-dinja Għarbija, u meta ntbagħatu lura lejn il-Libja, ir-reġim ta’ Gaddafi temmilhom ħajjithom.

Dr Gonzi qal li fis-siegħat wara li l-bdoti kienu Malta, il-Gvern Libjan kien bagħat ajruplani biex jieħu lura lil dawn il-bdoti, li kienu irrifjutaw li jitgħu bombi fuq pajjiżhom.

Aktar tard il-Gvern Olandiż kien talab lill-Malta tagħti lura lil-Libja dawn il-bdoti, għaliex il-Libja wiegħdet li teħles tliet persuni Olandiżi jekk Malta tagħmel dan.

Tkellem ukoll dwar kif il-Gvern Malti għen fl-evakwazzjoni ta’ niex mil-Libja.

Ritratti: DOI/Clifton Fenech