Bdot jinqalagħlu driegħu meta kien qed iniżżel ajruplan

Sitt xhur wara li seħħ l-inċident, ħareġ ir-rapport dwar il-bdot li tilef il-kontroll ta’ ajruplan bil-passiġġieri meta nqalagħlu driegħu. Dan il-bdot kellu driegħ artifiċjali li nqala’ minn postu fil-ħin eżatt meta kien qed iniżżel l-ajruplan.
It-titjira telqet minn Birmingham lejn Belfast fl-Irlanda fejn waqt l-inżul tal-ajruplan kien hemm ukoll irwiefen qawwija. L-inċident seħħ fit-12 ta’ Frar li għadda.
L-ajruplan ħa tisbita qawwija meta għamel kuntatt mal-art, iżda ħadd minn dawk abbord ma weġġa. filwaqt li l-ajruplan ma ġarrab l-ebda ħsara.
Il-bdot qal li fil-futur se joqgħod iktar attent biex jiċċekkja li d-driegħ artifiċjali tiegħu jkun imwaħħal f’postu sew.
Il-kumpanija tal-ajru qalet li dan il-bdot huwa wieħed mill-aktar bdoti b’esperjenza u li fl-ebda ħin il-passiġġieri li kienu fuq l-ajruplan ma kienu f’xi periklu.