Bdot Ġermaniż ipinġi siġra tal-Milied fis-swemmiet

Bdot li kien qed isuq ajruplan Ġermaniż tal-kumpanija Airbus ipprova juża l-mezzi li kellu biex ixerred l-ispirtu tal-Milied waqt il-ġurnata tax-xogħol tiegħu.
Siti elettroniċi li jissorveljaw titjiriet differenti ndunaw li t-titjira tiegħu ħadet rotta differenti, iżda m’għarfux x’kien l-iskop tal-bdot qabel ma lesta t-titjira tiegħu, u ħalla siġra tal-Milied warajh.
Ta’ min wieħed jammira mhux biss l-idea ġenjali tal-pilota, iżda wkoll il-preċiżjoni tiegħu fit-tidwir u l-immanuvrar tal-ajruplan biex ifassal stampa mill-isbaħ.
Jekk qed taħsbu jekk dak it-tidwir kollu tat-titjira għamlitx deni lil xi wħud mill-passiġġieri, it-tweġiba hija le.
Il-kumpanija Airbus ikkonfermat fuq Twitter li fuq it-titjira, li telqet mill-belt ta’ Hamburg fil-Ġermanja, ma kien hemm l-ebda passiġġier, ladarba l-bdot kien membru ta’ tim li jwettaq testijiet regolari tas-sigurtà fuq l-ajruplani tal-kumpanija.