Bdil tad-dati bla tariffi; aktar tindif fuq l-ajruplani – Emirates

Read in English.

Il-linja tal-ajru Emirates qed tagħti lok lill-klijenti tagħha li jibdlu d-dati tat-titjiriet tagħhom mingħajr ma jeħlu tariffi żejda.

Fi stqarrija, il-kumpanija spjegat li dan japplika għall-biljetti kollha li ġew ibbukkjati llum u l-biljetti li għad iridu jinqatgħu sal-aħħar tax-xahar. Il-kumpanija ħabbret li t-tibdiliet fid-dati jistgħu jsiru f’perjodu ta’ 11-il xahar lejn il-pajjiżi kollha.

Żiedet tgħid li l-ajruplani tagħha qed jiġu diżinfettati kull darba li l-ajruplan ikun telaq mid-destinazzjonijiet li huma l-aktar affettwati mill-COVID-19. Jekk il-linja tal-ajru tkun infurmata b’suspett jew b’każ ikkonfermat, isir tindif b’kimika aktar qawwija.

Passiġġieri li jridu jibdlu l-arranġamenti ta’ vjaġġar ta’ bejn is-7 u l-31 ta’ Marzu jistgħu jirrikkorru għand l-aġenti tal-ivvjaġġar, jew jikkuntattjaw lil Emirates fuq +971 600 555555, inkella jikkuntattjaw l-Uffiċċju tal-Emirates fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Illum il-Ministru għas-Saħħa kkonferma l-ewwel każ f’Malta.