Bdil fil-ħin u l-ġranet ta’ Iċ-Ċaqqufa

Mill-ġimgħa d-dieħla se tibda l-iskeda tas-sajf ta’ TVM u fost it-tibdil se jkun hemm il-ħin u l-ġranet li fih tixxandar is-sensiela Iċ-Ċaqqufa.

Filfatt minflok it-Tnejn filgħaxija din is-sensiela se tmur fil-ħin ta’ wara nofsinhar mit-Tnejn sal-Ħamis b’żewġ puntati wara xulxin li jixxandaru bejn it-2.45pm u l-5pm.

Bħalissa qed jintwerew l-episodji mill-ewwel staġun ta’ din is-sensiela li jitrattaw l-istorja ta’ Rożina (Geordie Schembri) meta kienet għadha żgħira. L-istorja tkompli bl-istorja tagħha meta tikber u naarwha bħala żagħżugħa interpretata minn Chanelle Bonaci u mbagħad minn Lara Azzopardi.

Jieħdu sehem ukoll Manuel Cutajar, Elizabeth Ellul Hawes, Joe Farrugia Id-Dulli, Theresa Gauci, Mark Mifsud, Vivienne Caruana, Ġorġ Peresso u Paul Caruana, fost oħrajn. Is-sensiela għandha produzzjoni ta’ Watermelon Media.

Il-Ġimgħa fl-istess ħin se tkun qed titwassal drama mill-arkivji, bl-ewwel waħda tkun It-Tieġ ta’ Karmena Abdilla.