Bdiewa Maltin qed iħallsu d-doppju għad-diesel – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-bdiewa Maltin qed iħallsu d-doppju għal ċertu diesel.

Fi stqarrija, il-PN qal li f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Pitkalija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Biedja Edwin Vassallo u l-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius qalu li bdiewa barranin qegħdin jixtru tractors minn barra li qed jiġu b’diesel aħmar, immarkat apposta għall-bdiewa u jixtru diesel b’nofs prezz minn Sqallija, meta f’Malta jinxtara bid-doppju tal-prezz.

Qalu li din is-sitwazzjoni qed tħalli impatt negattiv u piżijiet kbar fuq il-bdiewa Maltin u Għawdxin li qed jaffaċċjaw spejjeż doppji f’kompetizzjoni mal-bdiewa barranin.

Intqal li ħafna bdiewa u raħħala Maltin ilmentaw kif il-bdiewa barranin jixtru d-diesel nofs prezz minn barra. Dan id-diesel minn Sqallija qed jixtruh b’60ċ, meta f’Malta jinxtara b’€1.20.

Peter Agius qal li f’taħdidiet mal-Kummissjoni Ewropea ngħata l-konferma li kull pajjiż għandu d-dritt li jagħti diesel sussidjat lill-bdiewa u raħħala. Huwa qal li l-Kummissjoni kkonfermat ukoll li kważi l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jagħtu xi tip ta’ sussidju, jew fl-elettriku jew diesel iżda f’Malta dan mhux qed isir bl-iskuża li hija ‘kkumplikata’ sabiex tapplika.