Bdiewa Għawdxin: Servizz sospiż minħabba rimi illegali

Luke Zerafa

Read in English.

Kawża ta’ periklu li ħoloq ir-rimi ta’ skart tal-irziezet b’mod llegali fid-drenaġġ ta’ Għawdex, is-servizz tal-faċilità tat-trattament tad-demel ġie sospiż sa nhar it-Tnejn li ġej.

Dan ħareġ fi stqarrija mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Din spjegat li kwantità kbira ta’ ‘farm waste’ likwidu spiċċa fis-sistema tad-drenaġġ f’Għawdex wara x-xita qawwija. Qal li kieku l-ħaddiema tal-Korporazzjoni ma ħadux azzjoni f’waqtha, dan l-inċident seta’ jipperikola xhur ta’ xogħol u investimenti ta’ miljuni ta’ Ewro. Seta’ ġie affettwat ukoll l-outfall u d-diffużur f’qiegħ il-baħar li kien għadu kemm issewwa ftit tal-ġimgħat ilu.

Newsbook.com.mt tkellem mal-Korporazzjoni fejn kelliem spjega li xi bidwi jew bdiewa ppruvaw jgħattu r-rimi ta’ skart illegali bil-maltempata.

Il-bdiewa f’Għawdex għandhom aċċess għal faċilità ta’ trattament tad-demel likwidu li tagħti soluzzjoni sostenibbli konkreta biex tiddisponi minn skart tat-tip. Is-servizz issa ġie sospiż sa nhar it-Tnejn biex jippermetti biżżejjed ħin għall-proċess ta’ rkupru meħtieġ.

Fl-istqarrija ġie spjegat li l-Korporazzjoni bħalissa qed issaħħaħ is-sezzjoni ta’ infurzar tagħha, inkluż tagħmir ta’ monitoraġġ ħaj. Dawk li se jiksru l-liġi se jaffaċċjaw azzjoni drastika u se jinżammu responsabbli għal kwalunkwe ħsara li tkun ġarrbet l-infrastruttura tal-Korporazzjoni. Hi se tkun qed titlob ukoll l-assistenza tal-Pulizija skont il-ħtieġa.

Il-Korporazzjoni enfasizzat li l-infrastruttura tad-drenaġġ hija kumplessa u delikata u ssofri ħsarat minħabba l-użu mhux xieraq tas-sistema tad-drenaġġ urban. Qalet li huwa important ħafna li fis-sistema jintrema biss skart uman u dak ta’ karta degradabbli.

Jekk għandek xi suspetti jew problem bid-drenaġġ, tista’ tagħmel ir-rapport tiegħek lill-Korporazzjoni fuq in-numru tat-telefon: 8007 6400, ibgħat email fuq customercare@wsc.com.mt jew permezz ta’ messaġġ fuq il-website www.wsc.com.mt.