Bdiewa f’Tal-Balal: “Il-Gvern se jieħu l-liġi b’idejh”

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi stqarr li l-Gvern se jieħu l-liġi b’idejh meta qed jespropja artijiet privati f’Tal-Balal mingħajr ma tiġi obduta l-liġi li tirregola dan.

Il-kwistjoni tal-bdiewa bil-qbiela milquta bil-proġett tat-twessigħ tat-triq f’Tal-Balal kompliet fil-Parlament it-Tlieta filgħaxija waqt il-ħin tal-mistoqsijiet.

Azzopardi qal li l-Awtorità tal-Artijiet ma ppubblikat l-ebda avviż fil-Gazzetta tal-Gvern biex tavża li kienet qed tesproprja l-artijiet privati f’Tal-Balal.

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li dawn il-bdiewa ma ġewx offruti raba’ alternattiva.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela li kien qed jirrispondi f’isem il-Ministru għat-Trasport Ian Borg, qal li skont mistoqsija parlamentari li tpoġġiet fuq il-kamra tad-deputati lbieraħ, dawn il-bdiewa kienu se jiġu kkumpensati.

Callus qal li dawn il-bdiewa lmentaw miegħU li ma ġewx ikkonsultati u li ma saret l-ebda laqgħa magħhom, waqt li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Artijiet, Chris Agius qal li fuq din il-kwistjoni l-ebda lment ma wasal quddiem l-uffiċċju tiegħu.