Bdietlek ir-rebbiegħa, iddennsilhiex kulurha!

L-Għaqda Maltija tal-Konsumaturi appellaw lill-pubbliku sabiex jieħu spunt mis-sbuħija u l-enerġija tan-natura, illum li beda l-istaġun tant sabiħ tar-rebbiegħa, u jużaw prodotti biex jaħslu l-ħwejjeġ li jma fihomx kimika li tniġġes l-ambjent.
Il-prodotti li ma jniġġsux l-ambjent tagħrafhom mit-timbru Ecolabel EU li jkollhom ipprintjat xi mkien fuqhom. L-Għaqda fakkret li l-prodotti b’dan it-timbru ma jkollhom kimiċi li jintilfu fil-baħar jew l-ilma tajjeb għax-xorb.
Tat 4 raġunijiet għala wieħed għandu jistinka biex jagħżel il-prodotti Ecolabel EU:
Tiffranka l-enerġija: l-prodotti li għandhom din it-tabella jaħdmu mingħajr il-bżonn li nsaħħnu l-ilma li naħslu bih. Jekk nużaw dawn il-prodotti mhux talli niffrankaw l-enerġija u nħarsu l-ambjent iżda niffrankaw ħafna flus.
Tipproteġi saħħtek: il-prodotti Ecolabel ma fihomx kimiċi li jikkawżaw il-kanċer, jew għandhom effett fuq id-DNA jew inaqqsu l-fertilità.
Issaħħaħ l-ambjent: prodott bl-Ecolabel ifisser li m’għandux kimiċi li joqtlu organiżmi importanti li jgħixu fl-ilma jew fil-baħar, u l-kimiċi li għandhom jinqasmu f’kimiċi oħra (bijodigradabbli) li ma jagħmlux ħsara l-ambjent. Dawn il-prodotti ma fihomx prodotti mill-fosfru li jkabbar l-alka.
Tnaqqas il-plastik: dawn il-prodotti jiġu ppakkjati fi fliexken jew pakketti li huma bijodigradabbli. Il-prodotti li m’għandhomx Ecolabel ġeneralment ikunu ppakkjati f’materjali li 30% biss minnu hu bijodigradabbli. Barra minhekk, il-prodotti Ecolabel ma fihomx microplastic li qed jispiċċa fil-ħut li nieklu.L-istqarrija ttemm tħeġġeġ biex kulħadd juża dawn il-prodotti.
Skont tagħrif li għandha l-Għaqda Maltija tal-Konsumaturi, m’hawn ebda produttur lokali li jipproduċi prodotti li jissodisfaw l-Ecolabel iżda hemm 5 lukandi f’Malta li ngħataw l-Ecolabel.